Vjal Il-Ħelsien F’Ħaż-Żebbuġ Ser Jissebbaħ Aktar

 Vjal Il-Ħelsien F’Ħaż-Żebbuġ Ser Jissebbaħ Aktar

Proġett ġdid fi Vjal il-Ħelsien, Ħaż-Żebbuġ se jinkludi l-installazzjoni ta’ tagħmir għar-roti u t-tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxelli permezz ta’ investiment minn Ambjent Malta. Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia fejn spjega li l-proġett, li qed jiġi implimentat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, huwa wieħed mill-ħafna proġetti taħt l-inizjattiva ‘Inħaddru Pajjiżna’ tal-Ministeru.

Farrugia tenna li hemm bżonn ta’ aktar spazji ħodor għall-familji filwaqt li niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti negattivi tal-urbanizzazzjoni.

Il-Ministru nnota li bħalissa m’hemm l-ebda siġra f’din it-triq partikolari, u li dan l-investiment ta’ €200,000 se jipprovdi 50 siġra tal-Ballut, 4 Siġar tal-Jacaranda, u 108 arbuxelli tar-riħan. L-interventi f’dan il-proġett jinkludu wkoll xogħlijiet ta’ skavar għall-konok ta’ diversi qsari tul Vjal il-Helsien u l-installazzjoni ta’ street furniture.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar diversi proġetti ta’ tħaddir fl-urban li bħalissa għaddejjin f’lokalitajiet differenti, permezz ta’ skemi minn Ambjent Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa semma l-popolarità dejjem tiżdied tal-ġonna vertikali u green roofs u l-impatti pożittivi li tali infrastruttura ġġib għall-estetika ta’ pajjiżna, kif ukoll il-benefiċċji ambjentali u għas-saħħa tagħna.

“Ħa nerġgħu nagħmlu Vjal il-Ħelsien, id-daħla ta’ Ħaż-Żebbuġ, vjal kif verament jixirqilha. Permezz ta’ din l-inizjattiva sejrin inħawlu siġar ġodda f’din it-triq kif ukoll se nagħmlu xogħolijiet oħrajn ta’ tisbiħ. Dan kollu mingħajr ma nnaqqsu parkeġġi. Dan għaliex qegħdin nagħmlu kollox bi pjan,” qal is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Malcolm Paul Galea.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com