Ser Jintbagħat Ballun Spazjali Minn Malta Biex Issir Riċerka
Kollaborazzjoni bejn il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Ispazju fi ħdan il-Ministeru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara Covid-19 u l-Istitut tax-Xjenzi tal-Ispazju u Astronomija fi ħdan l-Università ta’ Malta se jara oġġett jiġi mibgħut minn Malta fl-ispazju bil-għan li ssir riċerka tal-istratosfera ta’ Malta u l-Mediterran.
Bis-saħħa ta’ MOU li ġie ffirmat ilbieraħ, se ssir ukoll kompetizzjoni li tinkoraġġixxi ideat b’temi dwar l-ispazju fil-kuntest ta’ start-ups.
Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara l-Covid-19 Owen Bonnici qal li “dan il-ftehim huwa l-ewwel pass għall-iżvilupp ta’ iktar kapital uman fis-settur tal-ispazju u għandu l-għan li jinforma lill-pubbliku dwar attivitajiet relatati mal-ispazju li kienu qed jiġru f’pajjiżna fl-aħħar snin u biex jitwieldu opportunitajiet ġodda għal iktar parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet industrijali u edukattivi.”
Għal dan il-għan il-Ministeru se jkun qed jinvesti €75,000 f’żewġ attivitajiet ewlenin li se jseħħu fix-xhur li ġejjin.
Proġett interessanti huwa dak li se jara l-ballun tal-ispazju STRATOS-1 jitlaq minn Malta.
Dan se jibqa’ tiela’ għal iktar minn 30km fl-ispazju, traġitt li matulu se jkejjel l-atmosfera fuq il-gżejjer Maltin. Bis-saħħa ta’ tagħmir li se jkollu installat miegħu, il-ballun se jirritorna b’ritratti mill-ajru u mill-ispazju ta’ Malta li qatt ma rajnihom qabel u se jgħin lix-xjenzati jagħmlu studji tal-istratosfera Maltija u Mediterranja.
Dan filwaqt li se tiġi ffinalizzata, sa Ottubru, kompetizzjoni dwar kummerċjalizzazzjoni ta’ riċerka dwar l-ispazju fejn start-ups se jiġu inkoraġġiti jipproponu ideat dwar temi relatati mal-ispazju u li jkunu jistgħu jużaw fondi biex iwasslu l-ideat tagħhom lill-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju.
Il-fundatur tal-istitut, il-Professur Kristian Zarb Adami, qal li dan hu żmien eċitanti u storiku għal Malta u riżultat ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha mal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Ispazju.
Il-Ministru Bonnici awgura li dawn il-proġetti jservu ta’ ispirazzjoni għal żgħażagħ li huma interessati fl-ispazju.
Huwa qal li bħala turija tal-appoġġ il-Ministeru se jkun qed jagħti iktar għal ħidma marbuta mas-settur tal-ispazju u se jkun qed jisponsorja PhD biex tiġi analizzata l-informazzjoni miġbura sabiex tiġi prodotta l-ewwel data xjentifika mill-istratosfera u anke biex isiru numru ta’ attivitajiet ta’ outreach id f’id ma’ Esplora.
Ir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred J Vella qal li hu pjaċir kbir tal-Università li għal darb’oħra taħdem id f’id mal-Ministeru fuq dan il-proġett li se jgħin lix-xjenzati Maltin jiksbu iktar għarfien fuq kif l-ispazju jimpatta l-ħajja tagħna ta’ kuljum.