Tressaq Il-Qorti Wara Li Kiteb Kemm “Se Jdum Biex Imut” Il-President Emeritu Eddie Fenech Adami

 Tressaq Il-Qorti Wara Li Kiteb Kemm “Se Jdum Biex Imut” Il-President Emeritu Eddie Fenech Adami

Victor Vella tressaq il-qorti mixli bi kliem ta’ mibgħeda fil-konfront tal-President Emeritu Eddie Fenech Adami wara li fis-7 ta’ Frar, f’għeluq snin Eddie Fenech Adami kiteb kumment dispreġjattiv dwaru.

Victor Vella, dakinhar li Eddie Fenech Adami għalaq 87 sena kiteb fuq il-midja soċjali, “Dak se jdum biex imut għax Alla ma jiġborx żibel imqadded,”.

Dakinhar tal-kumment, Iben il-President Emeritu, Beppe Fenech Adami, wera d-diżappunt tiegħu lejn dan il-kumment u kummenti oħra, filwaqt li saħaq li l-kattiverja ta’ wħud m’għandhiex limiti u jħoss li għandu jesponiha.

Il-kumment tar-raġel, Victor Vella sar wara li Neville Gafà, li kien persuna ta’ fiduċja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kiteb fuq Facebook li jawgura lill-eks President aktar snin mimlija saħħa taħt Gvern Laburista.

Fil-Qorti Vella għamel apoloġija fil-preżenza ta’ Beppe Fenech Adami u wiegħed li ma jagħmilx aktar dawk it-tip ta’ kummenti.

Il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni kellha tressaq l-akkużi  taħt il-kodiċi kriminali, imma minflok tressaq taħt liġi li m’għadix fis-seħħ, għalhekk ir-raġel ma setax jinstab ħati minħabba li l-akkużi kienu invalidi.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, id-deputat Nazzjonalista aċċetta l-apoloġija. Minn naħa tagħha l-Qorti wissiet lil Vella li jekk jerġa’ jagħmel xi ħaġa simili ma jistax jistenna trattament simili.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christina Delia filwaqt li d-difiża kienet magħmula mill-avukati Michael Sciriha u Matthew Xuereb.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com