Dehra Ġdida Lil Ġnien Re Ġorġ V Fil-Furjana

 Dehra Ġdida Lil Ġnien Re Ġorġ V Fil-Furjana

Ġnien ir-Re Ġorġ V fil-Furjana, ingħata dehra ġdida hekk kif għadda minn xogħlijiet ta’ tisbiħ li wasslu biex dan il-post b’veduti spettakolari tal-Port il-Kbir, ikun isbaħ, aktar sigur u aktar aċċessibbli.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, hekk kif spjega li x-xogħlijiet li saru mill-Kunsill Lokali tal-Furjana kienu ffinanzjati permezz tad-Development Planning Fund (DPF) tal-Awtorità tal-Ippjanar, b’investiment ta’ €400,000.

Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ kienu jinkludu fost l-oħrajn l-installazzjoni ta’ tagħmir għal open gym, kameras tas-sigurtà u sistema ta’ irrigazzjoni, installazzjoni ta’ tagħmir għal-logħob, pavimentar ġdid, tbiddil tal-faċilitajiet sanitarji u manutenzjoni fuq l-arbli tad-dawl. It-turf tal-grawnd tal-futbol u l-fencing tal-perimetru mistennija li jiġu mibdula fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif permezz ta’ dan il-fond qed jiġu appoġġjati proġetti immirati biex itejbu l-benesseri, l-ambjent, u d-dimensjoni soċjali tal-ibliet u l-irħula tagħna; “Id-DPF jipprovdi lill-kunsilli lokali, NGOs, u oħrajn bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex ikunu proattivi u jwettqu proġetti li jtejbu l-ambjent urban tagħna. Dan jgħin sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħna, u jkompli jgħin lil dawk li għandhom l-istess viżjoni tagħna favur aktar ippjanar intelliġenti”.

Ic-Chairperson tad-Development Planning Fund, il-Perit Vincent Cassar, irrimarka li “Il-ġonna pubbliċi dejjem servew funzjoni importanti għas-saħħa pubblika fl-ibliet – tawna spazju biex nagħmlu l-eżerċizzju fiżiku, aċċess aktar faċli għan-natura, u nrawmu s-saħħa fiżika u mentali tagħna.”

Dan il-ġnien li jinsab fuq is-swar tal-Furjana, iġib l-isem tiegħu mill-fatt li ġie inawgurat fl-1936 mir-Re Ġorġ V innifsu. Wieħed jinnota kif oriġinarjament, il-ġonna kienu parti mill-isptar Re Ġorġ V iżda wara saru aċċessibbli għall-pubbliku. Fl-1951, inbniet clubhouse fil-ġnien biex isservi bħala l-kwartieri ġenerali tal-Malta Playing Fields Association. L-ewwel Playing Field f’Malta ġie installat propju f’dan l-istess ġnien.

Is-Sindku tal-Floriana, Davina Sammut Hili qalet li l-Kunsill Lokali tal-Furjana, wara ħidma ta’ iktar minn sena, qed irodd lura lill-komunità ċentru rikreattiv għall-familja kompletament mgħammar mill-ġdid.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com