Min Jiftakarha L-Iskola Tal-Ħandaq Jew Aħjar Il-Liċeo Vassalli?

 Min Jiftakarha L-Iskola Tal-Ħandaq Jew Aħjar Il-Liċeo Vassalli?

Il-Junior, l-iskola tal-Ħandaq jew aħjar l-iskola Mikiel Anton Vassalli tal-Ħandaq f’Ħal Qormi. Żgur li hawn bosta studenti li kienu jattendu din l-iskola b’karatteristiċi uniċi li tmur lura għal żmien l-Ingliżi.

Jingħad li kienet mibnija f’forma ta’ villaġġ f’każ ta’ attakk mill-ajru biex jaħsbuha abitazzjoni ċivili u jevitawha. Primarjament ma kinitx skola; kienet barracks tal-Ingliżi.

Baqgħet tintuża bħala skola sa numru ta’ snin ilu meta mbagħad inbena l-Kulleġġ San Ignazju. Iżda, kien għaqli min ħareġ bl-idea, li bosta mkejjen inżammu kif kienu biex tkun imfakkra l-istorja u l-karattru ma jintilifx.

Min kien student tal-Ħandaq, żgur li jiftakar il-blazer aħdar skur irrigat u l-kumplament tal-uniformi griża. Jiftakar ukoll il-bosta laqmijiet tal-għalliema u li nhar ta’ Erbgħa nofs ta’ nhar minħabba li fost il-ġimgħa, il-lezzjonijiet kien jdumu sat-3pm.

Jiftakar il-famużi ‘rain shelters’ u l-hall bl-art tal-injam li kien għadu tajjeb. Jiftakar il-kuluri tat-twieqi u l-bibien; aħdar  ċar u l-administration block fejn is-surmastrijiet kienu jużaw bħala uffiċċju tagħhom.

L-għelieqi tal-madwar speċjalment il-grawn enormi (mhux wieħed), tar-ramel. Kien hemm ukoll kappella ħelwa.

Għal kull suġġett, l-istudenti kienu jduru minn blokka għall-oħra; ħafna jemmnu li dan kien jgħin lill-istudenti biex jieħdu ftit enerġija bejn lezzjoni u oħra.

il-laboratorji, it-tuck shop u elf memorja oħra jsawru tifkiriet sbieħ għal min ħareġ minn tal-Ħandaq. Skola, li kienet meqjusa bħala waħda mill-aqwa b’għalliema dedikati u b’passjoni kbira.

Insellmu lill-istudenti kollha li esperjenzawha kif ukoll lill-għalliema li kienu jgħallmu fiha, waqt li nsellmu oħrajn li ħallewna.

E bilħaqq, żgur li ħafna jiftakru l-qanpiena ddoqq bejn lezzjoni jew oħra!

Ritratti: Adrian Caruana

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com