Il-Partit Nazzjonalista Jgħid Li L-Gvern Falla Fl-Immaniġġjar Tal-Iskart
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Kummissjoni Ewropea għamlet twissija lill-pajjiżna wara falliment fl-immaniġġjar tal-iskart. Jgħid li fl-aħħar jiem il-Kummissjoni Ewropea reġgħet wissiet lil Malta sabiex din taġġorna l-liġijiet ma’ direttivi Ewropej dwar l-immaniġġjar tal-iskart, il-faċilitajiet fejn jintefa l-iskart u t-tnaqqis ta’ skart iġġenerat mill-ippakkeġġjar tal-prodotti. Il-kelliem għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima tal-Partit Nazzjonalista, Robert Cutajar jistqarr li din it-twissija hija konferma ta’ dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonali, li l-Gvern falla fil-miri tiegħu fl-immaniġġjar tal-iskart.
Fid-deċiżjonijiet ewlenin dwar ksur ta’ liġijiet Ewropej minn stati membri, l-Kummissjoni Ewropea qalet li f’Ottubru li għadda bagħtet ittri formali ta’ twissija lill-Gvern Malti. Ħabbret li issa bagħtet opinjoni motivata biex Malta tagħmel it-tibdil neċessarju. Jekk il-Gvern ma jibgħatx imqar tweġiba fix-xahrejn li ġejjin, Malta tista’ titressaq quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minħabba li ma tkun segwiet id-direttiva. Fid-direttiva dwar ir-rimi tal-iskart, l-Unjoni Ewropea timponi restrizzjonijiet fuq l-istati membri dwar l-iskart kollu li jista’ jiġi riċiklat jew li minnu tista’ tiġi ġġenerata l-enerġija mill-2030 ‘il quddiem.
Dwar l-immaniġġjar tal-iskart, d-direttiva tistabbilixxi miżuri operattivi minimi biex ikun hemm skemi dwar ir-responsabiltajiet ta’ min jipproduċi il-prodotti waqt li l-istati membri jridu jsaħħu ir-regoli biex jitnaqqas l-iskart.
F’inqas minn erba’ snin oħra, aktar min-nofs tal-iskart li jiġi ġġenerat mid-djar irid ikun riċiklat, rata li se tkun ikkalkulata skond il-piż tal-iskart. Din il-mira se tkun qed tiżdied għal 60% sal-2030 u 65% sal-2035. Malta trid tbiddel il-liġijiet ukoll biex jitnaqqas l-iskart ġġenerat mill-ippakkeġġjar tal-prodotti u b’hekk ikun hemm l-inqas impatt ambjentali possibbli riżultat ta’ dan it-tip ta’ skart. Il-Kummissjoni Ewropea qed tisħaq li l-istati membri Ewropej, inkluż pajjiżna, jibqgħu jżommu mal-miri stabbiliti biex l-għanijiet ambjentali li kien hemm qbil dwarhom fost l-istati membri jintlaħqu. Il-Partit Nazzjonalista jgħid li din it-twissija hija konferma oħra li l-ambjent għall-Gvern Laburista mhux prijorità.
Ritratt: © vchal / Getty Images