Arrestat B’Rabta Ma’ Vandaliżmu Fuq Vetturi U Ħwienet
Matul illejl li għadda Sirjan ta’ 25 sena, residenti San Pawl il-Baħar, gie arrestat b’rabta ma’ atti ta’
vandaliżmu fuq vetturi u ħwienet fil-Mellieħa.
Kienu xi 3:00am, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm persuna qiegħda
twaddab il-ġebel lejn xi vetturi fi Triq il-Marfa.
Il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra marret mill-ewwel fuq il-post iżda ma nstab ħadd.
Madankollu l-pulizija nnutaw xi vetturi li kienu pparkkjati u vetrini ta’ ħwienet, li kellhom
ħsarat konsiderevoli, fosthom il-ħġieġ imkisser b’xi ġebel.
Ir-raġel ġie arrestat mill-pulizija madwar nofs siegħa wara waqt li kien miexi lejn ix-Xemxija. Huwa ttieħed għal aktar investigazzjonijiet fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana.
Minn iżjed investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li b’kollox instabu disa’
vetturi u tmien vetrini ta’ ħwienet bil-ħġieġ imkisser, tul Triq il-Marfa, Triq Ġorġ Borg Olivier
u Triq il-Kbira, il-Mellieħa.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.