Ftehim Ta’ €2.12 Miljun Mal-Fondazzjoni Arka Għal Servizzi Residenzjali Lil Persuni B’Diżabilità

 Ftehim Ta’ €2.12 Miljun Mal-Fondazzjoni Arka Għal Servizzi Residenzjali Lil Persuni B’Diżabilità

Ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, l-Aġenzija Sapport u l-Fondazzjoni Għawdxija Arka wassal biex għat-tliet snin li ġejjin, minn Lulju 2021 sa Ġunju 2024, il-Fondazzjoni Arka tingħata aktar minn €2.12 miljun biex ikunu provduti servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità. Is-servizzi se jkunu provduti minn tliet residenzi li għandha l-Fondazzjoni; Dar Arka, Dar il-Ġublew tal-Ħniena u Dar il-Madonna ta’ Pinu. Minn dan il-ftehim se jkunu qegħdin jibbenefikaw 22 persuna b’diżabilità fuq livell ta’ servizz residenzjali, waqt li numru ta’ persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn servizz ta’ respite f’Dar Arka.

Minn dawn it-tlett idjar, il-Fondazzjoni Arka se tkun qed tipprovdi 23 sodda, 13 minnhom minn Dar Arka u ħames sodod kull wieħed minn Dar il-Ġublew tal-Ħniena u Dar il-Madonna ta’ Pinu. Is-servizzi residenzjali provduti minnhom ivarjaw skont il-grad ta’ diżabilità tal-persuna.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Il-firmatarji kienu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella, Ruth Rose Sciberras, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, u Dun Michael Galea f’isem il-Fondazzjoni Arka.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-ftehim bħala prova oħra, “Li ninsabu determinati li naħdmu b’risq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Prova oħra li nemmnu bis-sħiħ li ħadd mis-soċjetà Maltija u Għawdxija ma jitħalla jaqa’ lura, aktar u aktar minħabba xi forma ta’ diżabilità. Prova oħra li lesti naħdmu mhux biss bħala gvern lejn dawn il-miri imma anke ma’ entitajiet bħalma hija l-Fondazzjoni Arka biex ikunu ta’ sostenn fit-tħaddim tal-prinċipji tagħna b’risq il-persuni b’diżabilità. Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-Fondazzjoni Arka għax-xogħol kbir li wettqet u għadha qed twettaq partikolarment b’risq persuni b’diżabilità f’Għawdex tul dawn l-aħħar 20 sena li ilha mwaqqfa.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “Il-gvern qed juri b’eżempji konkreti li Għawdex qed jingħata prijorità f’kull qasam, fosthom fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. L-għan tagħna hawnhekk huwa li nilħqu aktar persuni b’diżabilità u ntejbulhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Nemmen li permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-ministeri u l-entitajiet nistgħu naslu sabiex noffru l-aqwa servizz lill-persuni b’diżabilità fil-gżira Għawdxija.” Huwa temm billi rringrazzja lill-Ministru Julia Farrugia Portelli u l-Aġenzija Sapport għall-għajnuna finanzjarja li qegħdin jagħtu lill-Fondazzjoni Għawdxija Arka.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim soċjali, il-Ministeru qed jikkonsolida l-ħidma li ssir ma’ persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom b’investiment ta’ aktar minn €2 miljun għal perjodu ta’ tliet snin. Dan il-ftehim ifisser żieda ta’ aktar minn €300,000 fuq il-ftehim soċjali preċedenti li kienu jwieżnu lil Dar Arka u Dar il-Ġublew tal-Ħniena, kif ukoll jibda l-ewwel ftehim dwar Dar il-Madonna ta’ Pinu b’investiment ta’ aktar minn €360,000.

Ruth Rose Sciberras, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, qalet li din il-ħidma konġunta tkompli ssaħħaħ il-firxa ta’ servizzi, għax b’din il-kollaborazzjoni bejn ir-riżorsi qed ikun assigurat li jintlaħqu aktar persuni b’diżabilità li għandhom bżonn servizz residenzjali jew ta’ respite, din id-darba f’Għawdex. Il-ftehim jikkumplimenta servizzi oħra mmexxija minn Aġenzija Sapport, apparti diversi inizjattivi oħrajn bejn iż-żewġ entitajiet.

Dun Michael Galea, f’isem il-Fondazzjoni Arka, saħaq kif dan il-ftehim huwa eżempju ta’ kollaborazzjoni bejn il-Knisja f’Għawdex u l-gvern, “Biex inservu u ngħinu lil dawk li huma vulnerabbli, f’dan il-każ il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com