Il-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ Jikkundanna Liġi Diskriminatorja Fl-Ungerija

 Il-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ Jikkundanna Liġi Diskriminatorja Fl-Ungerija

Il-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ+ fi stqarrija kkundanna l-liġi diskriminatorja addottata mill-Gvern Ungeriż li tgħid li ma tistax issir promozzjoni tal-identità tal-ġeneru u l-omosesswalità lil persuni taħt it-18-il sena. Dan ipoġġi persuni LGBTIQ bħala persuni perikolużi jew illiċiti flok li huma normali daqs ħaddieħor iżda b’varjazzjoni sesswali jew fil-ġeneru.

Il-Kunsill wera solidarjetà mal-komunità LGBTIQ fl-Ungerija u tenna li ser jibqa’ jaħdem favur aktar rispett lejn id-drittijiet taċ-ċittadini kollha Ewropej, jgħixu fejn jgħixu bil-għan li jkunu liberi mingħajr biża’ jew diskriminazzjoni.

“L-Aċċess għall-edukazzjoni dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet, huwa d-dritt tat-tfal u ż-żgħażagħ u għandu jkun ibbażat fuq ix-xjenza aktar milli fuq preġudizzju ta’ twemmin“, intqal fl-istqarrija.

 Fl-istess waqt, il-Kunsill Konsultattiv innota li din mhix l-ewwel darba li l-Ungerija kisret id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ fejn anke għamlitha impossibbli għal persuni ‘transgender’ li jkollhom rikonoxximent tal-ġeneru tagħhom f’pajjiżhom. B’dan il-mod, fl-Ungerija qed tinħoloq aktar ostilità u diffikultajiet għal dawn il-persuni u l-familji tagħhom.

L-istess Kunsill talab lill-Gvern Malti biex jikkundanna pubblikament dan l-aġir mill-Gvern Ungeriż u li jiżgura li d-drittijiet LGBTIQ jibqgħu hemm u ugwali f’kull diskussjoni mal-istat Ungeriż f’dak li jirrigwarda liġi u politika Ewropeja.

Ritratt: BBC

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com