Nuqqas Ta’ Vaċċin Tal-Covid-19 F’Pajjiżi Foqra
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa titkellem fuq il-fatt li numru kbir ta’ pajjiżi foqra li qegħdin jirċievu t-tilqim tal-Covid-19 bi skema globali m’għandhomx biżżejjed dożi sabiex ikomplu l-programm ta’ vaċċinazzjoni.
Dr. Bruce Aylward, konsulent tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa jgħid li l-programm Covax qassam 90 miljun doża lil 131 pajjiż, iżda dan ma kienx biżżejjed sabiex jipproteġi lil dawn il-popolazzjonijiet minn dan il-virus li għadu jinxtered madwar id-dinja kollha.
In-nuqqas jinħass hekk kif xi nazzjonijiet fl-Afrika qed jesperjenza it-tielet mewġa t’infezzjonijiet. Il-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa jitkellem dwar il-pajjiżi sinjuri li qegħdin jieħdu ammont kbir ta’ tilqim u jitlob biex dan jieqaf. Biex jindirizza in-nuqqas ta’ tilqim, jgħid li l-Gvern tiegħu qiegħed jaħdem ma’ Covax sabiex jagħmel hub reġjonali u jipproduċi iktar tilqim fl-Afrika t’Isfel.
Covax kienet magħmula sabiex jiġi żgurat li l-dożi tat-tilqim tal-Covid-19 ikunu disponibbli madwar id-dinja u l-pajjiżi sinjuri għamlu tajjeb għal parti mill-ispejjeż tal-pajjiżi foqra.
Ritratt: WHO/N. Mazars