Il-Jum Dinji Għas-Servizzi Pubbliċi

 Il-Jum Dinji Għas-Servizzi Pubbliċi

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar waqt żjara li għamel flimkien mas-segretarji permanenti fil-Palazz ta’ Sant’Anton lill-President ta’ Malta l-Eċċelenza Tiegħu, Dr. George Vella, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Servizzi Pubbliċi saħaq li qatt ma kien hawn żmien aħjar biex nifhmu xi jfisser servizz pubbliku għal pajjiż, u x’differenza wieħed jista’ jagħmel lis-soċjetà u lil kull individwu b’karriera fis-Servizz Pubbliku.

Il-Kap taċ-Ċivil sostna kif l-uffiċċjali pubbliċi minn dejjem kienu minn ta’ quddiem biex jagħtu servizz lill-pajjiż, u li qatt ma ddiżappuntaw f’kull mument ta’ prova. Is-Sur Cutajar irringrazzja lill-uffiċjali kollha li matul iż-żmien għamlu ġieħ lis-servizz pubbliku u għamlu differenza fil-ħajja tan-nies.

“F’moħħi jiġu l-infermiera u l-frontliners, l-uffiċjali pubbliċi li ma ħallewx il-pazjenti tagħna waħedhom f’dawn l-aħħar xhur. Lill-pulizija, is-suldati u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li ssibhom dejjem lesti jissugraw ħajjithom. Iżda wkoll uffiċjali pubbliċi oħra li kienu strumentali għal kull bidla fil-pajjiż, fosthom waqt il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew jew id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dak ukoll huwa s-servizz pubbliku li jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies”, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Is-Sur Cutajar tkellem fuq il-proċess ta’ tiġdid li sar fl-aħħar snin li wassal għal aktar minn elf miżura ta’ simplifikazzjoni, flimkien mal-bidla fil-mod kif jingħata s-servizz, bin-nies fiċ-ċentru tal-ħidma.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni temm jgħid li wara t-tiġdid imiss it-tisħiħ tas-servizz pubbliku, permezz ta’ strateġija ġdida ta’ ħames snin, l-ewwel tax-xorta tagħha. L-istrateġija ser tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla u torbot it-tliet elementi ewlenin tat-teknoloġija, in-nies, u s-servizz, biex is-servizz pubbliku jkompli jafferma s-servizz ta’ eċċellenza li jrid jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Servizz Pubbliku, il-President ta’ Malta George Vella stqarr li minkejja d-diffikultajiet li fixklu r-rutina li l-Maltin kienu imdorrijin biha, ix-xogħol fis-Servizz Pubbliku mhux biss baqa’ għaddej iżda kompla jissaħħaħ.

Il-President ta’ Malta saħaq li l-effiċjenza tal-informazzjoni, l-innovazzjoni, u l-mod u l-ħeġġa li bihom il-ħaddiema adattaw għal metodi ta’ xogħol ġodda kienu prominenti fil-ħidma tas-servizz pubbliku fl-aħħar sena u nofs. Il-President fisser l-importanza li s-servizzi jkunu aċċessibbli għal kulħadd u esprima l-apprezzament tiegħu għal kif is-servizz pubbliku qiegħed inaqqas bil-mod il-burokrazija u l-iskariġġ żejjed, u jagħmilha aktar faċli għall-pubbliku biex jinqeda. 

Il-President Dr. George Vella għalaq id-diskors tiegħu billi semma’ l-importanza tal-valuri marbuta max-xogħol tas-servizz pubbliku, fosthom l-etika, il-kontabilità, it-trasparenza, u r-reżiljenza.

Waqt iż-żjara, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ppreżenta lill-President ta’ Malta l-aħħar żewġ pubblikazzjonijiet li ħareġ is-servizz pubbliku.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com