Attent Jekk Taħdem Fix-Xemx u S-Sħana
Hekk kif it-temperatura fil-gżejjer Maltin telgħet ġmielha u mistennija ‘heatwave’, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) tiġbed l-attenzjoni ta’ min jaħdem fis-sħana u x-xemx sabiex jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jevita problemi ta’ saħħa, li jistgħu jħallu konsegwenzi serji.
Xogħol fix-xemx, speċjalment meta jkun għal żmien twil, jista’ jħalli effetti negattivi minħabba s-sħana jew ir-raġġi tax-xemx. L-OHSA riċentament ppubblikat gwida dwar dan is-suġġett; ‘Gwida dwar Xogħol fis-Sħana u fix-Xemx’ li tista’ titniżżel mill-paġna ta’ Facebook tal-OHSA.
Din il-gwida hija important kemm għall-ħaddiema, kif ukoll għal min iħaddem jew jaħdem għal rasu għaliex fiha informazzjoni dwar ir-riskji u kif wieħed jista’ jevitahom jew inaqqashom.
Fost il-miżuri li wieħed jista’ jieħu sabiex jipproteġi lilu nnifsu insibu ventilazzjoni adegwata fuq il-post tax-xogħol; ilbies ta’ ħwejjeġ ħfief, l-aħjar tal-qoton u qliezet twal; ilbies ta’ kpiepel u nuċċalijiet tax-xemx; l-użu ta’ krema kontra r-raġġi tax-xemx bi protezzjoni għolja u minkejja li wieħed jeħtieġ jaqra l-istruzzjonijiet dwar l-użu tal-prodott, ħafna mid-drabi mhux biżżejjed li wieħed japplika din il-krema darba biss; ix-xorb ta’ likwidi b’mod regolari u qabel wieħed jaqbdu l-għatx; it-tnaqqis ta’ kafè, alkoħol u ammonti kbar ta’ zokkor; u l-iċċekkjar tal-ġilda sabiex wieħed jara żdiedux in-nemex jew tfaċċawx tbajja ġodda. Jekk wieħed jara’ sintomi differenti fil-ġilda għandu jkellem tabib minnufih.
Ritratt: Utility Contractor Magazine