“Ħtieġa Ta’ Aktar Azzjoni Konkreta Dwar L-Immigrazzjoni” – Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea llum iltaqa’ fil-Lussemburgu u għalih attenda s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Il-laqgħa saret sabiex jiġu ffinalizzati t-tħejjijiet għal-Laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin fi Brussell. F’din il-laqgħa se jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19, id-dimensjoni barranija tal-migrazzjoni, u temi dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi.
Filwaqt li laqa’ l-fatt li l-mexxejja Ewropej se jiddiskutu l-migrazzjoni, liema suġġett ilu ma jkun diskuss f’dan il-livell mill-2018, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi nsista li din id-diskussjoni biss mhijiex biżżejjed u jeħtieġ livell ogħla ta’ ambizzjoni f’dan il-qasam. Huwa saħaq fuq l-importanza tax-xogħol li jrid isir fil-pajjiżi minn fejn tibda l-migrazzjoni u l-pajjiżi minn fejn jgħaddu l-emigranti. Il-kwistjoni tal-migrazzjoni trid soluzzjonijiet tanġibbli ġejjin minn azzjonijiet konkreti, fosthom fil-bini tal-kapaċitajiet meħtieġa fil-Gvern Libjan ħalli jkun jista’ jħares il-fruntieri tiegħu fin-nofsinhar tal-pajjiż u anke għajnuna finanzjarja flessibbli adatta għal dak li jkun qed iseħħ fuq l-art.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi nnota li d-diskussjoni fuq il-pandemija, se ssir fl-isfond tal-mod avvanzat kif qed jitmexxa t-tilqim u t-titjib fil-qagħda epidemoloġika. Huwa tenna li d-deċiżjonijiet għandhom jibqgħu jkunu ggwidati mill-aqwa informazzjoni xjentifika u li l-Unjoni Ewropea għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżdied il-produzzjoni tat-tilqim u tiżgura li jkollha dawk magħrufa bħala “booster doses” biex tkompli tissaħħaħ l-immunità.
Dwar il-konferenza fuq il-Futur tal-Ewropa, is-Segretarju Parlamentari fakkar li ċ-ċittadini għandhom jibqgħu fil-qalba ta’ din il-konferenza. Huwa wera d-dispjaċir tiegħu li ċ-ċittadini ma kinux preżenti għall-ewwel plenarja tal-konferenza u sejjaħ biex fil-plenarja li jmiss ċittadini mill-Istati Membri jkunu attivament involuti.
Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ngħata tagħrif fuq il-qagħda tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-tkabbir u sar ukoll dibattitu dwar il-proċeduri li għaddejjin skont Artiklu 7 dwar l-Ungerija u l-Polonja.