“Jien Fiduċjuż Li Flimkien, Bħala Poplu, Din L-Isfida Nistgħu Ngħelbuha” – Dr. Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr. Bernard Grech f’konferenza ftit wara li rapporti bdew ħierġin li Malta spiċċat greylisted iddeskriva d-deċiżjoni tal-FATF bħala “kastig għall-poplu Malti kollu.”
Dr. Grech qal li qed jistieden lil Gvern biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista biex jiġi mwaqqaf task force nazzjonali biex Malta terġa’ tkun fuq il-lista l-bajda fl-iqsar żmien possibbli.
Zied jgħid “dan jista jsir jekk naħdmu flimkien fuq livell nazzjonali bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat tal-kamra, flimkien mal-imsieħba u esperti fil-qasam finanzjarju biex nimplimentaw b’mod aktar konvinċenti u b’konsensus nazzjonali l-action plan tal-FATF, biex nillimitaw il-ħsara fit-tul fuq l-ekonomija Maltija.”
Dr. Bernard Grech kien ippjanat biex jattendi għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew ġewwa Brussell, iżda minflok sejjaħ laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għall-lejla fit-8pm.