Investiment Ta’ €1.6 Miljun F’Akkomodazzjoni Għal Anzjani Li Għadhom Jgħixu B’Mod Indipendenti

 Investiment Ta’ €1.6 Miljun F’Akkomodazzjoni Għal Anzjani Li Għadhom Jgħixu B’Mod Indipendenti

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi nedew investiment ta’ €1.6 miljun fil-qasam tal-akkomodazzjoni, b’xogħlijiet mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), li se jakkomodaw anzjani li għadhom jgħixu b’mod indipendenti.

Il-Ministru Ian Borg faħħar ix-xogħol li qiegħda tagħmel il-GHRC, mhux biss fuq livell ta’ akkomodazzjoni iżda anke f’lokalitajiet oħra madwar pajjiżna, b’mod speċjali fil-Port il-Kbir.

“Għal darboħra, l-GHRC qed twettaq ħidma oħra bħalma għamlet ukoll ftit tax-xhur ilu, fejn bini dilapidat u mitluq li ma kellu ebda użu ġie riġenerat sabiex issa jibda jakkomoda kif ukoll jitgawda min-nies. Permezz ta’ dan l-investiment qegħdin nikkreaw 23 unit li se jkunu qed jakkomdaw 31 sodda. Dan għaliex hemm appartamenti li huma ta’ sodda singola u oħrajn sodda doppja. F’inqas minn tliet snin, għal dan il-proġett, il-GHRC wettqet restawr tal-faċċata b’total ta’ 1,300 metru kwadru u riġenerazzjoni kompluta ta’ 1,400 metru kwadru fuq ġewwa sabiex jingħata bini tal-ogħla kwalità li hu anke aċċessibli għal persuni b’diżabilità. Se nibqa’ naħdem biex naraw li l-assi tal-poplu jgawdi minnhom il-poplu stess filwaqt li nikkonservawlhom anke l-valur tagħhom. Inħares ’il quddiem għal aktar ħidma siewja mid-diversi awtoritajiet li jaqgħu fi ħdan il-ministeru tiegħi”, saħaq il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li “Ir-riġenerazzjoni hija parti integrali mill-politika fl-akkomodazzjoni… Dan il-proġett se jkun qed joffri soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni adegwata lil anzjani li jgħixu b’mod indipendenti iżda għandhom dħul baxx”. Il-Ministru Galdes stqarr din l-inizjattiva hija waħda mill-miżuri innovattivi li bihom l-Awtorità tad-Djar naqqset in-nies jistennew għall-għajnuna bin-nofs.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġu rriġenerati numru ta’ binjiet pubbliċi u jsir tisbiħ fiż-żoni tal-madwar biex b’hekk intejbu l-aċċessibilità tagħhom u tiġi żgurata l-istabilità strutturali tagħhom. Spjega kif dawn ix-xogħlijiet jagħmlu parti minn proġett ta’ riġenerazzjoni tan-naħa ta’ isfel tal-Belt Valletta li qed isir b’investiment ta’ €24 miljun f’fondi Ewropej. Saħaq kif dan l-investiment qed ikompli jtejjeb l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna u l-kwalità tal-ħajja.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll iċ-Ċermen tal-GHRC Anthony Agius Decelis, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi, iċ-Ċermen tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com