Żewġ Nisa Jinstabu Ħatja Li Serqu Anzjani Minn Djarhom Wara Li Marru “Jgħinuhom”
Jasmine Azzopardi ta’ 44 sena minn Raħal Ġdid ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li ammettiet li matul is-sena li għaddiet wettqet sensiela ta’ serqiet minn djar ta’ anzjani.
Il-mara li ngħad li hija mirkuba mill-vizzju tad-droga u b’fedina penali kkulurita ġiet arrestata mill-pulizija s-sena l-oħra flimkien ma’ mara oħra li qed tiskonta tletin xahar ħabs dwar dan il-każ.
Is-serq li kellhom xebh bejniethom saru f’żewġt idjar fl-Imsida fuq anzjana ta’ 77 sena u oħra ta’ 79 sena, f’dar ta’ anzjana ta’ 81 sena minn Naxxar u oħra fuq anzjana ta’ 92 sena minn Birkirkara. Serqa oħra saret fuq anzjana ta’ 82 sena f’Santa Venera.
Fil-qorti l-Ispettur Jonathan Ransley qal li n-nisa li kienu qed jagħmluha ta’ ħaddiema ma’ aġenzija li toffri servizzi għall-anzjani fil-komunità serqu lil anzjani b’eluf ta’ ewro fi flus, dehbijiet u ċekkijiet.
L-uffiċjal tal-probation rrakkomanda lill-Qorti biex Azzopardi tinbagħat il-ħabs mhux biss biex isservi ta’ deterrent iżda fuq kollox biex tapprezza l-opportunitajiet li ngħatat fl-imgħoddi biex tirriforma ruħha b’sentenzi fil-komunità.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qieset il-fatt li Azzopardi kkollaborat mal-pulizija tant li bl-għajnuna tagħha ġew riżolti każijiet oħra.
Madankollu sostniet li dan ma taha ebda jedd li tkaxkar magħha oħrajn intortament, l-aktar meta dawn huma nies mill-aktar vulnerabbli.
Qalet li dawn ir-reati seħħu fi żmien kiefer ta’ pandemija fejn l-azjani kienu jixxenqu għall-kumpanija u flok sabu l-id tal-għajnuna, sabu id li barmitilhom in-naqra li kellhom, li ħadmu għalih u li kienu jipposjedu b’tant għożża.
Il-Maġistrat Frendo Dimech żiedet tgħid li l-Qorti ma setgħetx tqies li dawn ir-reati kienu indifferenti, nieqsa minn kull traċċa ta’ umanità u kkalkolati biex jisfruttaw lil aktar dgħajfa u vulnerabbli fis-soċjetà… l-anzjani tagħna.
Waqt li nnotat kif fl-aħħar snin, il-leġislatur ħarrax il-pieni għal dawk li jwettqu reati kontra l-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà, il-qorti kkundannat lil Azzopardi 3 snin effettivi ta’ ħabs, tpoġġiet taħt ordni ta’ trattament għal sentejn biex tingħata kura għall-vizzju tad-droga u ordnata tħallas l-ispejjeż tal-qorti.
Ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-imputata favur il-ħames anzjani għal tliet snin.