Covid-19: Iżjed Miżuri Rilaxxati Minn Nhar It-Tnejn Li Ġej
Minn nhar it-Tnejn, 28 ta’ Ġunju, ristoranti, bars, każini u snackbars ser jitħallew jibqgħu joperaw sas-02:00. Mit-Tnejn ukoll mezzi ta’ trasport tal-baħar se jitħallew joperaw b’65% tal-ammont ta’ passiġġiera li huma liċenzjati li jtellgħu. Dan filwaqt li waterparks se jerġgħu jitħallew joperaw.
Il-contact sport tat-tfal ta’ taħt is-17-il sena se jerġa’ jkun permess u b’hekk il-contact sport tal-etajiet kollha jistgħu jissoktaw. L-istess il-fitness classes, li minn nhar it-Tnejn se jkunu permessi li jerġgħu jibdew ikunu organizzati.
Il-protokolli kollha li jirregolaw il-miżuri li se jiġu rilaxxati jinsabu hawn.
Minn nhar it-Tnejn ukoll, il-ħinijiet ta’ viżitazzjoni tal-iswali ewlenin f’Mater Dei se jiżdiedu. Viżitaturi se jkunu permessi jzuru lill-pazjenti mill-11:30 sas-13:00 u mit-15:00 sat-20:00.
Fid-dawl li l-ammont ta’ każijiet ġodda tal-COVID-19 f’pajjiżna baqa’ stabbli, ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni li min-nhar l-Erbgħa, 1 ta’ Lulju, kull min ħa d-dożi kollha tal-vaċċin u għaddew 14-il ġurnata mill-aħħar doża u għandu fil-pussess tiegħu ċ-ċertifkat tal-vaċċin, se jkun jista’ jibqa’ mingħajr maskra f’postijiet pubbliċi fil-miftuħ. Dan sakemm ma jinġemgħux iżjed minn żewġ persuni mlaqqma flimkien.
Tfal ta’ taħt it-12-il sena jistgħu jibqgħu bla maskra sakemm ikunu akkumpanjati minn persuna li huwa mlaqqam kontra l-COVID-19.
Stabbilimenti li l-liċenzja tagħhom tesiġi li jagħlqu qabel is-02:00 għandhom jagħlqu fil-ħin stabbilit fl-istess liċenzja.