Il-PM Robert Abela F’Summit Importanti Tal-Kunsill Ewropew
Il-Prim Ministru Robert Abela ipparteċipa fis-Summit tal-Kunsill Ewropew, li sar ilbieraħ u llum fi Brussell u li fuq l-aġenda kellu l-COVID-19, l-irkupru ekonomiku, l-immigrazzjoni u relazzjonijiet esterni, fosthom mat-Turkija u r-Russja.
Matul dan is-summit, il-mexxejja Ewropej kienu wkoll madwar il-mejda flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres.
Dwar il-COVID-19, il-mexxejja ddiskutew partikolarment iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Il-Prim Ministru nnota t-titjib fis-sitwazzjoni epidemjoloġika filwaqt li sostna l-importanza li l-produzzjoni tal-vaċċin tibqa’ tiggarantixxi provvista adegwata. F’dan l-isfond tkellem favur iċ-Ċertifikat Diġitali tal-UE, li se jkun għodda importanti li se twassal biex pajjiżi bħal Malta jkomplu jsaħħu l-ekonomija bit-turiżmu. Għalhekk, sostna l-Prim Ministru, pajjiżna qed iħares ‘il quddiem għall-implimentazzjoni tiegħu biex iċ-ċittadini jerġgħu jgawdu mid-drittijiet tagħhom tal-moviment ħieles. Malta għaddejja bil-preparamenti neċċessarji biex tħaddem dan iċ-ċertifikat.
Il-Kunsill Ewropew kellu wkoll skambju dwar l-immigrazzjoni irregolari mid-dimensjoni esterna, b’mod partikolari l-ħidma li jeħtieġ li ssir ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, bħal Libja. Matul din id-diskussjoni il-Prim Ministru Robert Abela spjega li Malta temmen li l-immigrazzjoni irregolari mhijiex sfida għall-Ewropa biss u pajjiżna kien minn tal-bidu nett li saħaq fuq il-bżonn li pajjiżi ta’ tranżitu jiġu mgħejjuna biex isaħħu l-kontroll tal-fruntieri tagħhom. Il-pożizzjoni ta’ Malta dejjem kienet li dawn il-pajjiżi ta’ tranżitu għandhom jingħataw l-għajnuna u l-mezzi biex jieħdu ħsieb il-fruntieri tagħhom. Dan sabiex ikun hemm kontrolli kontra dawk li jittraffikaw il-bnedmin u l-kriminali biex jonqos it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran. Dr Abela sostna li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tgħaddi minn kliem u dikjarazzjonijiet, għal ħidma konkreta.
Ir-relazzjoni mal-Libja ġiet diskussa ukoll waqt id-diskussjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres li matula l-Prim Ministru fost oħrajn enfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied u jingħata l-appoġġ lill-awtoritajiet Libjani sakemm isiru l-elezzjonijiet. Malta sostniet li l-aspirazzjoni ta’ Libja stabbli u sigura mhijiex biss aspirazzjoni Maltija jew Libjana iżda għandha tkun għan fl-Ewropa u fuq livell globali.
Il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet esterni fosthom mat-Turkija, ir-Russja u l-Belarus – diskussjonijiet li matulhom il-Prim Ministru enfasizza l-importanza li l-Unjoni Ewropea taħdem biex jitkompla d-djalogu.
Flimkien ma’ 15-il mexxej ieħor ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-Prim Ministru Robert Abela ffirma ittra indrizzata lill-presidenti tal-istituzzjonijiet Ewropej fl-okkażjoni ta’ Pride Day li se tiġi ċċelebrata fit-28 ta’ Ġunju – ittra li fiha Malta kkommettiet li tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha biex tkompli tiddefendi d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ bl-għan li jiġi assigurat li l-ġenerazzjonijiet futuri jgħixu f’ambjent ta’ tolleranza u ugwaljanza.
Ritratti: OPM