Dalwaqt Se Jinfetaħ Iċ-Ċentru Ta’ Rijabilitazzjoni Għall-Adoloxxenti F’Tal-Ibwar
Fi ftit ġimgħat oħra, se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu ċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga għall-adolexxenti f’Tal-Ibwar. Dan se jkun l-ewwel ċentru tat-tip tiegħu fil-pajjiż, u se jilqa’ ’l fuq minn 20 persuna. Dan iċ-ċentru se jkun qed jitmexxa mill-Caritas u huwa ffinanzjat mill-gvern, b’investiment li jlaħħaq l-€4 miljun, u miljun ewro oħra fis-sena.
Iċ-ċentru se jkun qed iservi kemm għal ġuvintur kif ukoll tfajliet, u se jkun ta’ alternattiva għall-faċilità korrettiva taż-żgħażagħ (CORRS), kif ukoll għall-isptar Monte Karmeli. Dawn is-servizzi se jkunu qed jaħdmu 24 siegħa kuljum, b’direzzjoni minn numru ta’ professjonisti.
Bi tħejjija għall-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon għamel żjara lit-tmexxija tal-Caritas, f’residenza oħra f’Birkirkara li qed tilqa’ adolexxenti bi problema ta’ droga. Din iż-żjara saret nhar is-Sibt, 26 ta’ Ġunju, li huwa wkoll il-Jum Internazzjonali kontra l-abbuż mid-droga.
Il-programm offrut huwa mifrux fuq sena u għandu l-għan li jibni mill-ġdid u jagħti struttura lil dawn l-adolexxenti, u jgħinhom jifhmu aħjar x’wassalhom għal dawn il-vizzji. Il-pass li jmiss ikun dak li ż-żgħażagħ ikunu integrati mill-ġdid fis-soċjetà.
Ritratt: Caritas Malta