Luxol Ċampjins Tal-Kampjonat Tal-Futsal

 Luxol Ċampjins Tal-Kampjonat Tal-Futsal

Luxol St Andrews huma r-rebbieħa tal-kampjonat nazzjonali tal-Futsal meta fil-finali li ntlagħbet fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, huma għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 9-0.

Kienet logħba ddominata mill-bidu sal-aħħar mit-tim minn St Andrews li approfittaw minn xi żbalji difensivi bil-plejers tagħhom li kienu lesti jikkastigaw lill-avversarji.

Luxol waslu għal din il-finali wara li eliminaw lil Valletta fid-decider meta għelbu 6-2 filwaqt li Swieqi United kellhom ukoll rebħa kontra l-Beltin fis-semifinali mirbuħa 6-4.

Swieqi kellhom staġun mill-aqwa fejn spiċċaw fl-ewwel post tal-klassifika flimkien mal-istess Luxol u Valletta sabiex kienu qed jilagħbu fil-fażijiet l-aktar deċiżivi tal-kompetizzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. Għal din il-partita huma ħassew lill-plejer Kolombjan Riano Garcia li kien strumentali għat-tim tiegħu matul dan l-istaġun.

L-esperjenza ta’ Luxol inħasset sew f’din il-finali fejn il-kowċ Gabriel Dobre studja sew lill-avversarji tiegħu u rnexxielu jieħu l-massimu minn din il-partita.

Għal Luxol spikka l-plejer Brażiljan Maicon da Silva li kien awtur ta’ hat-trick. Il-kompatrjott tiegħu Leanderson Coriolano, u l-plejer Rumen Emil Raducu kienu awturi ta’ doppjetta filwaqt li Everton da Silva Santos u l-captain Mark Zammit żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Wara din ir-rebħa, Luxol St Andrews se jerġgħu jirrappreżentaw lil Malta fl-edizzjoni li jmiss tal-UEFA Futsal Champions League.

Fi tmiem il-partita setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Luxol bil-qofol jintlaħaq hekk kif il-president tal-FMA Mark Borg ippreżenta t-tazza lill-captain Mark Zammit.

 

Ritratt: FMA

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com