Inawgurat Il-Proġett Tal-Kwartieri Ta’ Żebbuġ Scouts Group
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg inawgura l-proġett li sar fil-Kwartieri ta’ Żebbuġ Scouts Group, b’ħidma mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-Ministru Ian Borg tkellem kif “Proġetti bħal dawn qed isiru għax għandna Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li jwettaq ħidma importanti madwar il-pajjiż kollu li għalkemm forsi tkun fuq skala iżgħar minn proġetti kapitali, però nemmnu li qed tagħmel differenza kbira immens fil-ħajjiet tan-nies.”
Il-Ministru Borg spjega kif dawn il-proġetti qegħdin joffru faċilitajiet aħjar u faċilitajiet ġodda lill-komunitajiet tagħna; “Hawnhekk ser naraw lit-tfal, lil-leaders u lil dawk kollha li jipparteċipaw f’din l-għaqda jgawdu minn bini li huwa aktar aċċessibbli u aktar sigur. Impenjati li nagħmlu differenza pożittiva favur kwalità tal-ħajja aħjar għall-Maltin u għall-Għawdxin kollha.”
Fost ix-xogħol li twettaq, tbiddel is-saqaf tal-konkos, liema saqaf kien fi stat perikoluż u sar xogħol ta’ waterproofing membrane. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq ukoll xogħol ta’ tikħil u tibjid u restawr ta’ ħajt minn żewg naħat.