Skema Ta’ Restawr Għall-Bini F’Żoni Speċifiċi F’Malta B’Investiment Ta’ €2 Miljun
B’investiment ta’ €2 Miljun tiġi mħabbra l-iskema ‘Irrestawra l-Faċċata’ li permezz tagħha s-sidien ta’ proprjetajiet privati residenzjali u organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati, li jinsabu f’żoni speċifiċi ta’ toroq fiċ-ċentri tal-ibliet fejn il-livelli ta’ traffiku huma ogħla min-normal, jistgħu jibbenefikaw minn skema ta’ restawr tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Din l-iskema tħabbret mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien maċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar is-Sur Martin Saliba, fil-preżenza tas-sindki rispettivi tal-lokalitajiet li se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema.
Il-Ministru Aaron Farrugia saħaq li “Smajna leħen il-poplu, fehemna l-isfidi partikolari f’dawn iż-żoni u se nġorru l-ispiża finanzjarja tal-familji li jixtiequ jirranġaw djarhom, liema djar għandhom valur arkitettoniku u importanti għal-lokalitajiet. Din id-darba l-applikanti mhu se jħallsu xejn mill-but, għax se niffukaw fuq toroq prinċipali u traffikużi, fejn hemm inċidenza qawwija ta’ pensjonanti”.
Il-Ministru Farrugia qal li l-ħidma tal-Gvern matul iż-żminijiet kienet li jiġu ppreservati u kkonservati ż-żoni urbani ta’ pajjiżna. Dan wassal għal diversi skemi, bħal ‘Irrestawra Darek’ u ‘Green Your Building’. “Illum qed noħorġu bi skema oħra ta’ €2 miljun li permezz tagħha se nirrestawraw il-faċċati ta’ diversi djar f’żoni partikolari f’Malta, u b’hekk inkomplu nissalvagwardjaw il-patrimonju storiku u arkitettoniku Malti,” qal il-Ministru Farrugia.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba qal li, “Permezz ta’ din l-iskema, il-PA qed tfittex li tirriġenera numru ta’ toroq tul iċ-ċentri urbani li minħabba l-volum għoli ta’ traffiku li jgħaddi minnhom isibu diffikultà biex jippreservaw u jzommu l-faċċata tar-residenza tagħhom fi stat tajjeb u jesperjenzaw deterjorament aċċellerat minħabba t-tniġġis tat-traffiku.”
L-iskema li tnediet illum hija miftuħa għal sidien ta’ residenzi privati jew organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati li għandhom proprjetà fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana ta’ dawn it-toroq: Triq D’Argens fl-Imsida; Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun / Santa Venera; Triq il-Wied f’Birkirkara; Triq Stiefnu Zerafa, Triq is-Salib tal-Marsa, Triq Patri Feliċjan Bilocca u Triq Balbi fil-Marsa; Triq Bormla, Triq Ħal Tarxien u Triq Ħal Luqa f’Raħal Ġdid; Triq Ħal Tarxien u Triq Paola f’Ħal Tarxien; u Triq il-Kbira fir-Rabat (Malta). B’kollox, din l-iskema tkopri madwar 5km ta’ toroq.
Permezz ta’ din l-iskema, l-Awtorità qed timpenja ruħha li tiffinanzja l-100% (sa’ €10,000 għal kull proprjetà) tal-ispejjeż għax-xogħlijiet relatati mal-manutenzjoni, restawr jew tibdil ta’ elementi tradizzjonali tal-faċċata, inklużi l-ġebel, elementi tal-injam u xogħlijiet tal-ħadid. Barra minn hekk, l-għotja se tinkludi wkoll massimu ta’ €800 u €200 għal tariffi professjonali u tariffi għal permessi tal-kunsill lokali rispettivament.
Biex japplikaw għall-iskema, sidien ta’ proprjetà privata jew organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom onlajn permezz ta’ perit. L-iskema se tkun miftuħa bejn il-15 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2021 u tagħlaq qabel jekk fondi jiġu eżawriti fi żmien iqsar. Il-mapep tat-toroq eliġibbli u l-linji gwida relatati mal-iskema ta’ restawr ‘Irrestawra l-Faċċata’ jistgħu jitniżżlu mis-sit tal-PA www.pa.org.mt.