114-il Inizjattiva Fl-Istrateġija Għal Wara L-Pandemija

 114-il Inizjattiva Fl-Istrateġija Għal Wara L-Pandemija

Il-Gvern illum nieda l-istrateġija għal wara l-pandemija tal-Covid-19. Din l-istrateġija nazzjonali hija maqsuma taħt 12-il qasam tematiku, b’114-il inizjattiva li joffru t-triq ‘l quddiem għal Malta biex tirkupra kif ukoll għal sitwazzjoni simili li jista’ jerġa jiffaċċja pajjiżna.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici f’konferenza tal-aħbarijiet illum nieda din l-istrateġija li ġiet mibnija fuq tliet mistoqsijiet ewlenin, jiġifieri:

  • Kif se ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benessri?
  • Kif se nsostnu n-negozju u l-impjiegi u nixprunaw irkupru b’saħħtu?
  • Kif nistgħu nibqgħu reżiljenti u kompetittivi?

Il-Ministru Bonnici qal li issa huwa l-waqt li nibnu flimkien prosperità ġdida wara l-perjodu tal-pandemija. Huwa ħabbar li l-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Istrateġija Nazzjonali għal wara l-pandemija mmexxi mill-Prof Simone Borg ġie inkarigat mill-Kabinett tal-Ministri biex, id f’id mal-Uffiċċju tal-Kabinett u d-diversi ministeri, jieħu ħsieb l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

Dr Bonnici qal li l-inizjattivi se jibdew jiġu indirizzati mal-ewwel u f’każijiet anke tiġi konkluża l-implimentazzjoni tagħhom fuq perjodu ta’ tliet snin fejn kull ministru ħa jkun inkarigat bl-implimentazzjoni tad-diversi inizjattivi skont il-portafolli rispettivi.

“Aħna gvern progressiv li jemmen li l-bidla hija ċ-ċavetta għal iktar titjib u ħolqien ta’ ġid li minnu jgawdi kulħadd,” spjega l-Ministru Bonnici. Huwa kompla jgħid li x-xhur li għaddew kienu xhur ta’ sfida għal kulħadd, iżda kienu wkoll perjodu fejn rajna ħafna affarijiet sbieħ.

Il-Ministru Bonnici saħaq li dan id-dokument ta’ strateġija mhuwiex ta’ ministeru wieħed jew ta’ grupp ta’ esperti li twaqqaf taħt ministeru wieħed. “Minflok, huwa xogħol ta’ Kabinett sħiħ, ta’ gvern sħiħ, li flimkien ħdimna biex ħloqna strateġija li se tkun il-pedament għall-ħolqien ta’ Malta ta’ għada,” spjega l-Ministru Bonnici.

Huwa spjega li bis-saħħa tal-ħidma li twettqet b’mod kollettiv inħolqot strateġija li qed tara lil pajjiżna jkun wieħed sigur, f’saħħtu u għani, mibni fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza, governanza tajba u żvilupp sostenibbli, lest biex iħaddan it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali sabiex itejjeb il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. “Fil-pedament ta’ din il-viżjoni, hemm il-ħames pilastri ewlenin li jigwidaw lill-gvern fil-ħidma li qed nagħmlu għall-futur – il-kwalità tal-ħajja, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-governanza tajba u l-ambjent.”

Dr Bonnici fakkar li fit-tfassil tal-istrateġija ġie ddedikat xahar sħiħ ta’ konsultazzjoni fuq l-oqsma tematiċi ewlenin li fuqhom tinbena l-istrateġija, apparti minn lista sħiħa ta’ laqgħat li saru mill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Istrateġija Nazzjonali għal wara l-pandemija ma’ diversi stakeholders ewlenin.

Huwa qal li l-pandemija tatna opportunità unika sabiex nirriflettu dwar it-tip ta’ futur li rridu. “Il-viżjoni tagħna hi ta’ pajjiż sigur, b’saħħtu u għani, fejn iċ-ċittadini jistgħu jgħixu ħajjiet sodisfaċenti, jaqsmu bejniethom f’soċjetà ekwa, iħaddnu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u jsibu impiegi mħallsa tajjeb f’ekonomija stabbli u dinamika. Jekk is-soċjetà tagħna kollha taħdem flimkien, bl-istess kuraġġ, dinamiżmu u determinazzjoni li rajna matul il-kriżi, nistgħu nagħmlu din il-viżjoni realtà,” saħaq il-Ministru Bonnici.

Matul it-tnedija tkellmu wkoll il-Professur Simone Borg u s-Segretarju Permanenti Joyce Dimech, li ffokaw dwar l-importanza tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u dwar il-qofol tal-viżjoni li qed tipproponi l-istrateġija nnifisha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com