Tirritorna L-Kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’
Illum, ħaddiema tas-Servizz Pubbliku taw bidu għat-tieni kampanja ta’ ‘Insebbħu Pajjiżna’, inizjattiva kkordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar. L-inizjattiva tiġbor flimkien uffiċjali pubbliċi minn diversi entitajiet biex jaħdmu kollettivament u jikkontribwixxu għat-tisbiħ ta’ pajjiżna.
Matul il-jum tal-Ħamis, gruppi ta’ ħaddiema bdew b’eżerċizzju ta’ tindif ġenerali f’toroq residenzjali fil-Qawra, Bugibba u Marsaxlokk. Gruppi oħra ta’ ħaddiema kienu impenjati f’żoni turistiċi f’San Pawl il-Baħar b’xogħol ta’ manutenzjoni.
Fost ix-xogħlijiet li qed isiru hemm żebgħa u manutenzjoni ta’ railings eżistenti, tindif ta’ pavimentar, bdil ta’ bozoz, żebgħa ġdida ta’ traffic islands u central strips, ħasil ta’ toroq, bdil u tindif ta’ tabelli, manutenzjoni fuq bankijiet u għamara oħra tat-triq, installazzjoni ta’ railings ġodda, tiswijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ u tal-franka, tneħħija ta’ tabelli illegali, u żebgħa ġdida tas-sinjali tat-traffiku mal-art.
Din ser tkun it-tieni darba li qed tittella’ l-inizjattiva ‘Insebbħu Pajjiżna’ wara s-suċċess li nkiseb matul ix-xahar ta’ Mejju li għadda. Fl-4 ta’ Ġunju 2021, lejliet Jum l-Ambjent u waqt il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021, numru ta’ entitajiet u dipartimenti tal-gvern intrabtu b’Memorandum ta’ Ftehim biex din l-inizjattiva tibda ssir fuq bażi regolari.
Minn dakinhar, ġew ikkonsultati l-kunsilli lokali biex jiġu identifikati prioritajiet u żoni li jeħtieġu attenzjoni. Il-kampanja li bdiet illum u oħrajn futuri se jkunu qed jaġixxu fuq din il-konsultazzjoni biex ‘Insebbħu Pajjiżna’ tibqa’ eżerċizzju effettiv, ibbażat fuq il-Memorandum ta’ Ftehim li ġie ffirmat.
Il-ħaddiema involuti ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta, Ambjent Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Transport Malta, u l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi.