Il-Pulizija Tkompli Ssaħħaħ Il-Preżenza Fil-Komunitajiet

 Il-Pulizija Tkompli Ssaħħaħ Il-Preżenza Fil-Komunitajiet

Il-komunitajiet tal-Belt Valletta u l-Floriana issa għandhom uffiċini ġodda li minnhom qed joperaw it-timijiet tal-pulizija tal-komunità. Waqt żjara, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri seta’ jsegwi mill-viċin il-ħidma li qed issir sabiex il-komunitajiet tal-madwar ikunu aktar siguri.

Mal-uffiċjali tal-Korp, il-Ministru Camilleri sema’ dwar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fix-xogħol ta’ kuljum u kif l-uffiċini l-ġodda fil-qalba tal-komunità qed jgħinu sabiex ir-residenti għandhom punt ta’ referenza meta jkunu fil-bżonn ta’ għajnuna. “Il-pulizija tal-komunità qed joffru servizz aktar personalizzat u effiċjenti u għalhekk ninsab sodisfatt bis-suċċess li qed isir, għaliex b’hekk se nkomplu nifirxu dan is-servizz f’għadd ta’ lokalitajiet oħrajn,” qal il-Ministru.

Dan l-investiment huwa parti minn sensiela ta’ proġetti oħra li mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena fosthom rinovar tal-binjiet tal-Korp fil-Marsa, il-Mellieħa, Santa Venera u l-Birgu, fejn binjiet antiki qed jiġu rinovati biex il-pulizija tal-komunità jkunu aktar viċin in-nies. 

Il-Ministru Camilleri fakkar kif il-baġit ta’ din is-sena qed jara sitt darbiet iktar investiment kapitali għall-entitajiet ewlenin fis-settur tas-sigurtà. Dan ifisser li qed isir investiment akbar fil-Korp tal-Pulizija biex tiġi implimentata l-istrateġija ta’ trasformazzjoni li fl-aħħarnett twassal għal protezzjoni akbar tal-komunità.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com