Tnejn Iweġġgħu F’Inċident Tat-Traffiku L-Gżira
Illum, għal xi l- 11:15am, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet ħabta fi Triq D’Argens kantuniera ma’ Triq Manoel De Vilhena, il-Gżira.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kien seħħ impatt bejn mutur tat-tip Honda u karozza tat-tip Mercedes Benz.
Is-sewwieq tal-mutur, raġel ta’ 66 sena residenti Tas-Sliema, u l-passiġġiera, mara ta’ 63 sena residenti Tas-Sliema wkoll, ġarbu xi ġrieħi u għaldaqstant ittieħdu l-Isptar Mater Dei. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-mara ġiet ċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief.
Is-sewwieq tal-karozza, raġel ta’ 37 sena residenti s-Siġġiewi, ma sofra l-ebda ġrieħi.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.