Miġbura €512,870 B’Risq Id-Dar Tal-Providenza
Matul il-ġurnata tal-bieraħ saret il-maratona televiżiva b’risq id-Dar tal-Providenza fejn nġabru €512,870.
Din is-somma se tmur biex, fost oħrajn, ikun jista’ jitnieda proġett ta’ immodernizzar ta’ erba’ appartamenti f’Villa Papa Giovanni biex kull persuna jkollha ambjent dejjem aktar dinjituż, bi kmamar personali mgħammra bis-servizzi meħtieġa.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzja lill-poplu Malti li qal dejjem emmen fid-Dar u f’dak kollu li tagħmel biex ir-residenti tagħha jkollhom l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli.
Minħabba r-restrizzjonijiet li għadhom fis-seħħ ħafna mil-attivitajiet li normalment jiġu organizzati matul din il-maratona kellhom jitħassru. Però bħal kull sena qabel tibda din il-maratona filgħodu l-Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar biex jitfakkar il-25 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Fr Martin u sħabu s-saċerdoti.
Matul il-ġurnata attendew il-President ta’ Malta, Dr George Vella u s-Sinjura Vella, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi u l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Dr Bernard Grech u s-Sinjura Grech.
Attendew ukoll għadd ta’ Ministri, Segretarji Parlamentari u Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati u jieħdu d-donazzjonijiet.
Min għadu jixtieq jagħmel donazzjoni għadu jista’ jagħmel dan billi jidħol fis-sit www.sabihlitaghti.com.