Il-Gvern Iħabbar Fond Ta’ €2 Miljuni Sabiex Jappoġġja Avvenimenti Kulturali

 Il-Gvern Iħabbar Fond Ta’ €2 Miljuni Sabiex Jappoġġja Avvenimenti Kulturali

Hekk kif issa ir-restrizzjonijiet jippermettu li jibdew isiru xi forom ta’ attivitajiet Il-Gvern iħabbar fond ta’ €2 miljuni sabiex jappoġġja avvenimenti kulturali.

Dan ġie mħabbar f’konferenza li saret ilbieraħ mil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo.

Il-Ministru Jose Herrera, spjega li permezz ta’ din l-iskema l-organizzaturi tal-attivitajiet kulturali jkunu jistgħu jirċievu għotja ekwivalenti għall-valur tal-biljetti mibjugħa. Apparti minn hekk il-Gvern ser ikun qiegħed joffri wkoll diversi spazji mdaqqsa lil artisti mingħajr ħlas, li fihom jistgħu jtellgħu l-attivitajiet tagħhom.

Din l-iskema l-ġdida tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali skont il-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika u hija mmirata sabiex dawn l-avvenimenti organizzati bejn il-5 ta’ Lulju u l-31 ta’ Awwissu 2021, ikunu ekonomikament aktar vijabbli.

Il-Ministru Herrera qal li “permezz ta’ din l-iskema qed nagħtu aktar għajnuna lis-setturi kreattivi u kulturali sabiex ngħinu għar-ritorn ta’ avvenimenti kulturali. Dan huwa fond li ser ikompli jsaħħaħ il programm RESTART, maħruġ mill-Kunsill Malti għall-Arti fil-bidu tal-2021, u li s’issa bbenefikaw mijiet ta’ artisti f’oqsma differenti bi proġetti varji. B’dan il-fond ġdid ta’ €2 miljuni issa l-programm RESTART qiegħed ilaħħaq il-€5.62 miljuni f’fondi diretti lill-artisti u dawk kollha li jaħdmu fis-settur kreattiv.”

Il-Ministru Clayton Bartolo qal li “din l-iskema hija gratitudni għal qasam li kien wieħed fost, jekk mhux l-aktar, settur milqut mill-pandemija. Irridu nifhmu s-sentiment ġenwin ta’ min għal dawn l-aħħar sena u nofs ried jaħdem u ma setax minħabba pandemija”.

Il-Ministru Bartolo kompla jispjega hekk kif b’din l-inizjattiva apparti li l-organizzatur ħa jirċievi lura għotja ekwivalenti għall-valur tal-biljetti mibjugħa sa massimu ta’ €15-il euro għal kull biljett ser jingħata grant ta’ €1,500 għal żewġ bubbles li jkun hemm fl-attività, sabiex ikun organizzat b’mod aħjar is-set-up tal-post u sabiex jiġi assigurat li l-attività timxi mal-protokolli tas-saħħa pubblika.

Bir-regoli li ġodda li tħabbru nhar is-Sibt, f’attività’ issa jista’ jkun hemm aktar minn 100 persuna. Dan irid isir bis-sistema ta’ ‘bubbles’, fejn kull grupp jista’ jkollu sa 100 persuna u irid jkun separata minn grupp ieħor, bi dħul u ħruġ differenti kif ukoll staff li ħa jservi għal kull grupp.

L-iskema hija miftuħa għal professjonisti kreattivi, artisti individwali, entitajiet irreġistrati, inklużi kumpaniji, partnerships, fondazzjonijiet, organizzazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, gruppi, konsorzji u kooperattivi rreġistrati. Iż-żewġ opportunitajiet jaħdmu fuq bażi first come, first served u jridu jissodisfaw sett ta’ kriterji ta’ eliġibilità. Wieħed jista’ japplika sat-Tlieta 17 ta’ Awwissu 2021 sa nofsinhar.

Għal-linji gwida, applikazzjonijiet u aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit tal-Arts Council Malta, iċempel fuq 2334 7230, jew jibgħat email fuq [email protected]. Jistgħu wkoll iżuru is-sit ta’ Festivals Malta, iċempel fuq 2334 7300, jew jibgħat email fuq [email protected].

Ritratti: DOI / Pierre Sammut

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com