Żona Li Bħalissa Tintuża Bħala Parkeġġ Se Tinbidel Ukoll F”Roof Garden’ Fil-Ħamrun
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919, fejn se jitwettaq il-proġett.
Bħala parti mid-disinn, ser jinżamm l-istess spazju ta’ parkeġġ li huwa disponibbli attwalment, filwaqt li se jkun installat lift għall-aċċessibilità ta’ kulħadd u latrini pubbliċi. Mal-faċċata ta’ dawn l-istrutturi l-ġodda, ser jiġi installat ġnien vertikali, sabiex dawn jiġu integrati bl-aħjar mod possibbli mad-disinn ġenerali. Il-proġett, li jiswa iktar minn €1.5 miljun, huwa ffinanzjat mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali u mwettaq minn GreenServ, fergħa ġdida fi ħdan WasteServ.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li dan il-proġett ħa jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti billi joffri spazju ekoloġiku miftuħ, fejn se jitħawlu siġar u arbuxelli. Tkellem favur ideat innovattivi li jikkontribwixxu għal spazji aktar ħodor f’żoni urbani ta’ densità għolja u qal li dan il-proġett huwa intiż li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għar-residenti li joqogħdu f’din iż-żona urbana u jippromwovi stili ta’ ħajja sostenibbli. Dan l-ispazju ser joffri post alternattiv ta’ rilassament aċċessibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat esprima s-sodisfazzjon li għal darb’oħra, il-komunità qed tgawdi minn proġetti ffinanzjati mill-inizjattivi Maltin ta’ residenza u ċittadinanza. Spjega li dan huwa wieħed minn sensiela ta’ investimenti simili, b’aktar proġetti pjanati f’Ħal Qormi, fil-Mosta, u f’Ħaż-Żabbar. Alex Muscat esprima l-impenn tiegħu li jibqa’ jħares l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, fosthom billi jiżgura li pajjiżna jibqa’ jattira l-investiment dirett barrani, li qed jippermettilna ninvestu aktar fil-komunità.