‘Nemmnu Fik. Fiduċja f’Malta’ – Il-PN B’Tnedija Ta’ Messaġġ Politiku
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Bernard Grech il-lejla permezz ta’ filmat nieda messaġġ politiku Nemmnu fik, Fiduċja f’Malta.
“Aħna nemmnu fik għax il-bżulija u l-ideat tiegħek huma s-sisien ta’ dan il-pajjiż. Aħna nemmnu fik – nemmnu fil-ħiliet u l-ħolm tiegħek, u nemmnu li l-politika trid tgħinek biex twettaq dak il-ħolm, biex timxi pass ’il quddiem.”
Hekk sostna Dr. Grech f’dan il-messaġġ fejn qal li l-politika trid tkun l-għodda li biha l-familji jgħixu aħjar. Ma jridx politika fejn lis-skandli jkunu normali jew li politiċi jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom.
Dr. Grech kompla jgħid li “l-politika trid terġa’ ssir għodda li biha nwittu l-problemi li għandna u mhux Gvern aljenat kif se joħroġ mill-aħħar skandlu li daħal fih, jew kif se jgħatti l-problemi li ħoloq fuq l-ambjent, fuq l-enerġija, fuq is-saħħa u fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta.”
Dr. Bernard Grech temm jgħid li għandu fiduċja f’Malta u fil-Maltin u sellem lill-Maltin li għamlu u qed jagħmlu suċċess. “Jekk inti wkoll għandek fiduċja f’Malta u fil-Maltin – ingħaqad magħna – ħalli nwettqu din il-bidla flimkien!”