Il-Gvern Huwa Kommess Li Jistabbilixxi Lil Malta Bħala Sieħba Ekonomika…

 Il-Gvern Huwa Kommess Li Jistabbilixxi Lil Malta Bħala Sieħba Ekonomika…

“Malta se tkompli ssaħħaħ u tippromwovi governanza tajba f’kull sfera tal-ħajja pubblika, kif ukoll fl-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ewlenin tagħha, billi tafferma ruħha bħala sieħba ekonomika affidabbli, trasparenti u effiċjenti fl-isfera globali”, stqarr il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt wieħed minn sensiela ta’ seminars ta’ konsultazzjoni pubblika – seminars li qed jiddiskutu kull wieħed mill-ħames pilastri deskritti fid-dokument tal-Viżjoni Ekonomika 2021-2031 għal Malta.

Is-sessjoni, organizzata mill-MIMCOL, indirizzat il-ħames pilastru; Governanza Tajba, Kontabilità u s-Saltna tad-Dritt, bil-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis. Ipparteċipaw diversi partijiet li ġejjin minn entitajiet governattivi, soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Il-Ministru Silvio Schembri tkellem dwar kif governanza tajba hija essenzjali għal Malta biex tiżgura ambjent kummerċjali stabbli, ittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur u tissalvagwardja l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. “L-ekonomija Maltija għamlet passi kbar minn meta seħħet il-bidla fl-amministrazzjoni. Dan kien segwit minn investiment enormi matul l-aħħar sentejn fl-istituzzjonijiet tagħna, investiment li kien meħtieġ u sfortunatament nieqes għal dawn l-aħħar 15-il sena. Illum għollejna l-livell fejn tidħol it-trasparenza u s-saltna tad-dritt f’Malta u fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew riċentement, dan il-proċess ta’ konsultazzjoni wasal b’mod sinifikanti fi żmien opportun”, qal il-Ministru Schembri.

Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni  jikkonferma l-ħtieġa għal din il-viżjoni, u b’mod determinat jaspira li jagħmel sforz saħansitra iktar ikkoordinat biex jindirizza u jaħdem lejn għan komuni: l-għan ewlieni li jiġu adottati aktar rakkomandazzjonijiet magħmula mill-FATF.

F’dan ir-rigward, il-Ministru għall-Ekonomija qal li l-prattiċi regolatorji eżistenti għandhom jissaħħu biex tiġi żgurata u infurzata l-konformità mal-ogħla standards internazzjonali permezz ta’ livelli aktar intiżi ta’ kontabilità u l-istat tad-dritt, li huma l-prinċipji fundamentali ta’ klima intraprenditorjali b’saħħitha. Barra minn hekk, il-gvern għandu jintroduċi elementi ġodda li jattiraw u jinċentivaw, li jmorru lil hinn mill-vantaġġ effettiv li toffri r-rata tat-taxxa tagħna, u jesploraw aktar fil-fond reġimi innovattivi. Dawn jinkludu stock options, skemi ta’ investiment mill-ġdid ta’ qligħ kapitali u reġimi li jiffavorixxu l-IP, simili għal dawk implimentati mill-ġirien Ewropej tagħna. Il-ministru ddikjara wkoll li f’konformità mal-viżjoni tal-pajjiż, li tirrikjedi li dan ikun minn ta’ quddiem fis-soluzzjonijiet diġitali, is-‘cybersecurity’ u l-privatezza għandhom jibqgħu prijorità ewlenija. Dan jista’ jinkiseb billi jiġi żgurat b’investiment solidu f’infrastruttura ta’ ‘cybersecurity’ li ssostni ambjent kummerċjali b’saħħtu u sikur.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis qal li l-governanza tajba u s-saltna tad-dritt dejjem kienu pilastru essenzjali ta’ kull ekonomija fejn saħaq li l-importanza ta’ dan il-ħames pilastru tal-viżjoni ekonomika ta’ Malta hija saħansitra iktar evidenti jekk wieħed iħares lejn il-klassifikazzjonijiet tal-aġenziji tal-credit rating. Dawn l-aġenziji spiss jinnutaw li Malta wettqet riformi istituzzjonali u kostituzzjonali bla preċedent, li fl-aħħar mill-aħħar iservu bħala building block ewlenija għan-negozju u l-investituri biex jafdaw lil Malta bħala ġurisdizzjoni finanzjarja u ekonomika serja. Tenna li  biex dan iseħħ irridu nkomplu naħdmu biex niżguraw proċess xieraq – mhux biss fil-qrati, iżda wkoll fl-awtoritajiet pubbliċi tagħna.

Id-dokument tal-viżjoni ekonomika jenfasizza li sabiex Malta ssir future-proof fis-settur tal-Istandards Għolja ta’ Kontabilità, Governanza Tajba u s-Saltna tad-Dritt sal-2031, għandhom jiġu implimentati diversi miżuri, fosthom:

-Li tissaħħaħ is-saltna tad-dritt, tissaħħaħ il-governanza u t-trasparenza u tiġi żgurata l-kontabilità.

-It-tisħiħ tal-ambjent regolatorju biex tiġi żgurata u infurzata l-konformità mal-ogħla standards internazzjonali.

-L-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa għal sistema tal-ġustizzja aktar mgħaġġla u aktar ġusta.

-Il-prijoritizzazzjoni tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza bħala prerekwiżiti fundamentali għal ekonomija diġitali.

Dawk kollha interessati li jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali jistgħu jżuru https://economicvision.mimcol.com.mt/ biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Il-proċess ta’ konsultazzjoni se jibqa’ miftuħ sal-31 ta ‘Lulju 2021. ​​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com