Raġel Ta’ 46 Sena Jitlef Ħajtu Wara Li Nqabad Taħt Moħriet
Raġel ta’ 46 sena minn Ħal Qormi tilef ħajtu traġikament waqt li kien qed jagħmel xi xogħol f’għalqa f’Ħal Qormi stess.
Dan l-aċċident seħħ ilbieraħ, għal xi 8:00pm meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġo għelieqi fi Triq Tal-Bajjada, Ħal Qormi.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li għal xi raġuni r-raġel nstab maqbud taħt moħriet. Huwa ngħata l-assistenza minn tim mediku iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.