Il-Pulizija Tal-Komunità Preżenti F’Aktar Lokalitajiet
F’konferenza dalgħodu f’Bormla il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li bil-proġett tal-pulizija tal-komunità, il-Korp tal-Pulizija qed juri biċ-ċar ir-rieda li jkun hemm għan-nies f’kull ħin u f’ċirkostanzi varji, fejn mhux qed jistenna li ċ-ċittadin imur għandu biss meta tinqala’ xi problema, iżda li jkun hemm biex jantiċipa bosta diffikultajiet u realtajiet li jiġru ta’ kuljum. Għaldaqstant, bil-proġett tal-pulizija tal-komunità, il-Korp tal-Pulizija llum qed ikun punt ta’ referenza. “L-għan hu li ċ-ċittadin iħossu sigur, mismugħ u moqdi. Dan hu gvern li l-investiment kollu li hemm bżonn fil-pulizija se jagħmlu,” qal il-Ministru Camilleri, filwaqt li tenna kemm hu kburi li l-Korp tal-Pulizija li qed jerġa’ jżid is-sens ta’ komunità fl-ibliet u fl-irħula.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dawn it-timijiet huma komposti minn fost l-aktar nies dedikati li għandna fil-Korp. Huwa spjega kif dan il-proġett qed iħalli r-riżultati mixtieqa hekk kif il-komunitajiet qed iħossuhom aktar viċin il-Korp tal-Pulizija. L-għan hu li dan is-servizz ikompli jinfirex madwar Malta u Għawdex kollha sas-sena 2023.
Il-lokalitajiet ġodda fejn il-pulizija tal-komunità żiedu l-preżenza tagħhom huma l-Marsa, il-Ħamrun, Ħal Tarxien, il-Birgu, il-Bormla, l-Isla, il-Kalkara, San Ġiljan u Santa Venera. B’hekk issa l-pulizija għandha għaxar timijiet ta’ pulizija li qed jaħdmu b’56 uffiċjal f’wieħed u għoxrin belt u raħal.
Ritratt: DOI