“Hemm Pajjiżi Li Sabu Flus Biex Jixtru L-Armi Iżda Mhux Biex Isaħħu L-Ġlieda Kontra L-Covid” – Evarist Bartolo
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ħa sehem fil-Forum ta’ Dubrovnik ‘Flimkien f’Dinja Mifruda’. Huwa qal li ninsabu fl-istess maltempata iżda f’dgħajjes differenti; hemm min salva u ssaħħaħ u hemm min għereq.
Għamel referenza għal realtajiet li diversi pajjiżi qegħdin jaffaċjaw fejn qal li waqt il-pandemija ħames miljuni oħra saru miljunarji, iżda 41 miljun oħra qed jaffaċċjaw il-ġuħ, b’200 miljun persuna qed jitilfu x-xogħol tagħhom.
“Matul il-pandemija disa’ pajjiżi nefqu 72 biljun dollaru fuq armi nukleari ġodda, imma m’għandniex żewg biljuni biex eluf ta’ trabi ma jmutux bil-malarja fl-Afrika u sitt biljuni biex miljuni ma jmutux bil-ġuħ.”
Il-Ministru Bartolo saħaq li kien hemm pajjizi li ntlaqtu ħazin ħafna bil-Covid u sabu ħafna flus biex jixtru l-armi imma ma għandhomx flus biex jonfqu fuq is-saħħa u t-tilqim biex isalvaw lin-nies tagħhom mill-Covid.
Ikkonkluda d-diskors tiegħu billi saħaq li hemm bżonn nitgħallmu ngħixu flimkien u d-differenzi ta’ bejnietna ma nħalluhomx idawruna f’għedewwa kontra xulxin.
“Jekk se nibqgħu ninfirdu fi blokok kontra xulxin mhux se nsolvu l-isfidi kbar tal-lum u għada tad-dinja ċkejkna tagħna.”
Ritratti: MFEA