Malta Se Tkun L-Ewwel Pajjiż Ewropew Li Mhux Se Taċċetta Nies Mhux Ivvaċċinati
Il-Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi fuq ONE Radio dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija, qal li l-pandmeija ma telqet qatt fejn kien hemm mument pożittiv meta naqsu n-numri “iżda meta kellna sfida ġdida, il-kuraġġ kien li naġixxu mill-ewwel, b’intervent diffiċli iżda wieħed kliniku.”
Qal li l-vaċċin qed jaħdem fejn qed naraw li l-maġġoranza tal-persuni nfettati huma dawk li ma ħadux il-vaċċin. Tenna li l-appell jibqa’ biex in-nies jieħdu l-vaċċin.
Il-PM Abela qal li issa dawk l-20% li għadhom ma ħadux il-vaċċin, għandhom joħduh għax huwa wkoll obbligu morali fejn aħna stess għandna nikkonvinċu lil xulxin biex noħduh. Inkella, ir-realtà tibqa’ li se nkomplu ntawlu biex nibqgħu ma niġux għan-normalità u semma kif dan ma jgħoddx biss għal Malta imma għad-dinja kollha.
Qal ukoll li jkun ‘kontro-sens’ jekk nibqgħu nbeżżgħu bil-vaċċin meta anke l-awtoritajiet internazzjonali tas-saħħa qed iħeġġu biex dan isir. Hawnhekk semma li hu jkun l-ewwel wieħed fl-interess ta’ bintu, li jagħtieha l-vaċċin.
Il-PM qal ukoll li Malta se tkun l-ewwel pajjiż li mhux se taċċetta nies mhux ivvaċċinati.
Fakkar li hemm problema oħra ta’ dawn il-persuni Maltin u Għawdxin li telqu minn pajjiżna fuq safar b’sett ta’ regoli u issa se jkollhom jiġu lura fi tmiem il-btala tagħhom, f’atmosfera ta’ sett regoli oħra. Qal li hawnhekk il-Gvern ħadem bir-raġuni l-buon sens.
Fir-rigward tal-istituzzjonijiet Ewropej għal Malta, il-PM Abela tenna li jinsab sodisfatt bil-fiduċja fejn il-Kummissjoni Ewropea għolliet it-tbassir ekonomiku għal pajjiżna. Hekk sar ukoll mid-DBRS li reġgħet tat ċertifikat ieħor ta’ fiduċja f’Malta fejn anke semmiet il-pjan ta’ vaċċinazzjoni li fuqu għamlet it-tbassir ukoll għall-pjan ta’ rkupru ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-PM qal li l-bidliet li se jkomplu jsiru, se jsiru għaliex “nemmnu fihom mhux għax sfurzati nagħmluhom għaliex pajjiżna jixraqlu l-aħjar anke fil-ġlieda kontra l-‘financial crime’ “.
Ritratt: Gareth Degiorgio