Il-Gvern Bi Ftehim Ta’ €4 Miljun Mal-Fondazzjoni Sebħ

 Il-Gvern Bi Ftehim Ta’ €4 Miljun Mal-Fondazzjoni Sebħ

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim soċjali  mal-Fondazzjoni Sebħ li jlaħħaq l-4 miljun ewro li ħa jkunu qed jintefqu fuq medda ta’ tliet snin.

Dan il-ftehim se jkun qed jiżgura l-finanzjament ta’ madwar 40 sodda f’residenzi tat-tfal, immexxija mill-Fondazzjoni Sebħ. Din il-fondazzjoni tmexxi numru ta’ residenzi tat-tfal mifruxa ma’ Malta li jinkludu Dar Fra Diego u Dar San Nikola fil-Ħamrun, Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar u Dar Santa Tereża fiż-Żurrieq.

Waqt żjara li għamel fir-residenza tat-tfal Fra Diego fil-Ħamrun, il-Ministru Michael Falzon qal li l-gvern qed ikompli jinvesti kontinwament f’servizzi speċjalizzati bħal dawn għax jemmen li kull tifel u tifla jixirqilhom ħajja diċenti u mimlija opportunitajiet pożittivi.

Il-Ministru Falzon qal, “Kuntent li għandna residenzi bħal dawn li verament jagħtu valur, imħabba u rispett lil dawn it-tfal”. Dawn ir-residenzi jilqgħu tfal li jkollhom ordni ta’ ħarsien mill-Istat u li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom. Residenzi bħal dawn jipprovdu ambjent sigur u  jippromovu ħiliet, żvilupp emozzjonali u reżiljenza. Fl-istess waqt dawn ir-residenzi jżommu kuntatt kontinwu mal-familjari ta’ dawn it-tfal fejn possibbli.

“Mingħajr ma nneħħi l-mertu tax-xogħol li qed iwettqu dawn ir-residenzi, nibqa’ nenfasizza l-importanza li dawn it-tfal eventwalment jingħaqdu ma’ familji. Hemmhekk jgħixu l-ispirtu u l-imħabba ta’ familja u jikbru f’adoloxxenti u f’adulti, bl-istess opportunitajiet li minnhom igawdi kulħadd”, ikkonkluda l-Ministru Michael Falzon.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com