Raġel ta’ 50 Sena Fil-Periklu Tal-Mewt Wara Li Waqa’ Sular U Nofs
Illum, għal xil-11:30am, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Fisher, l-Imġarr.
Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel ta’ 50 sena residenti s-Sannat, Għawdex, waqa’ għoli ta’ madwar sular u nofs f’shaft waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.
Tim mediku u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili taw l-assistenza u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.