L-Kunsill Lokali Tan-Naxxar Injorat Mill-Gvern Fuq Is-Sit Tal-Caravan F’Baħar Iċ-Ċagħaq

 L-Kunsill Lokali Tan-Naxxar Injorat Mill-Gvern Fuq Is-Sit Tal-Caravan F’Baħar Iċ-Ċagħaq

Il-Gvern ikkonferma li ntgħażlu żewġ siti temporanji għal caravan site waħda f’Armier u oħra Baħar iċ-Ċagħaq. Ntqal li ntgħażlu dawn iż-żewġ siti minħabba li l-art hija proprjetà tal-Gvern.

Fi stqarrija li ħareġ il-Kunsill Lokali tan-Naxxar kkundannaw din id-deċiżjoni u qalu li għal darba oħra qed isir żvilupp fin-Naxxar mill-Gvern Ċentrali mingħajr l-ebda forma ta’ konsultazzjoni. Kellu jkun artiklu fuq il-ġurnal MaltaToday li ħabbar li Infrastructure Malta, fuq għażla tal-Ministeru tal-Ambjent, se jibni caravan site temporanja fi Triq il-Kosta viċin Baħar iċ-Ċagħaq.

Il-Kunsill jikkundanna wkoll l-fatt għaliex ilu żmien jitlob l-assistenza tal-Gvern Ċentrali, inkluż lill-Ministru tal-Ambjent, biex ikun hemm aktar kontroll fuq l-ammont esaġerat ta’ caravans li tpoġġew matul il-kosta. Dawn m’għandhom l-ebda faċilità sanitarja filwaqt li l-Kunsill għandu rapporti li allegatament qed jitfgħu d-drenaġġ fil-baħar.

Il-Kunsill kompla jgħid li mhux kontra li jkun hemm siti għall-caravans ikkontrollati u skont standards li jixirqu pajjiż Ewropej u infatti approva bye law propju dwar dan. Iżda l-Kunsill qal li mhux isib inkoraġġiment u sapport mill-Gvern dwar dan.

Huma komplew billi qajmu diversi mistoqsijiet li skond il-Kunsill jidher li qas biss ġew ikkunsidrati mill-awtoritajiet, fosthom kif se jkun immaniġġjat u kkontrollat is-sit? X’faċilitajiet sanitarji se jkun hemm? Xi tfisser temporanja? X’bilanċ se jitħalla bejn dawk li jixtiequ jmorru jgħumu fis-sit u dawk li jridu jipparkjaw caravan?

Il-Kunsill Lokali Naxxar jappella lill-Gvern biex ma jibqax aktar jirrombla minn fuqu u jiftakar li l-Kunsill huwa r-rappreżentant tal-poplu kollu tan-Naxxar u għalhekk jixraqlu kull rispett.

Ritratt: Maltatoday

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com