L-Awli Fil-Qrati Issa Kollha Mgħammra B’Teknoloġija Diġitali
L-awli kollha kemm dawk f’Malta kif ukoll dawk f’Għawdex issa ġew mgħammra bit-teknoloġija neċessarja li ser tagħmilha possibbli li wieħed jixhed u jkun parti minn kawża mingħajr ma jkun fiżikament preżenti fil-binja tal-qorti. Sebgħa u għoxrin awla f’ Malta u tlieta f’Għawdex issa huma fully digitized. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-qrati tal-ġustizzja f’Malta.
Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li “Illum tħabbar pass storiku u importanti għall-effiċjenza u l-aċċessibbiltà fil-Qrati tagħna. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħi għal din is-sena kienet propju li naħdem biex insaħħaħ l-effiċjenza fil-qrati tagħna. Din tilgħab irwol kruċjali fejn tidħol is-saltna tad-dritt u biex naċċertaw li ċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-entitajiet kollha, jaħdmu b’mod effiċjenti u aċċessibbli. Dan jista’ jsir biss jekk l-qrati joffru rimedji f’waqthom u ġusti. L-effiċjenza fl-istituzzjonijiet tagħna tgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ssaħħaħ il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, fosthom il-qrati.” Il-Ministru saħaq li huwa ser jibqa’ kommess li jara li ċ-ċittadini għandhom istituzzjonijiet li jistgħu jirreferu għalihom, permezz ta’ qafas leġiżlattiv b’saħħtu u b’investiment bla preċedent.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, is-Sinjura Eunice Grech Fiorini saħqet illi l-Aġenzija fasslet pjan u ħadmet fuq proġett pilota sabiex l-awli jiġu attrezzati bl-apparat neċessarju. Abbażi tal-proġett pilota, matul ix-xhur tal-pandemija, l-aġenzija kompliet taħdem biex dan il-proġett ikun estiż għall-kumplament tal-awli kollha. Hija kompliet billi qalet li l-aġenzija qiegħda tfassal pjan ta’ xiri u installar ta’ apparat addizjonali li jikkumplimenta l-proġett tal-awli virtwali. Dan l-apparat jikkonsisti f’document visualiser fejn dan jagħti l-possibilità li l-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jiġu murija dokumenti mill-proċess li jkun qiegħed quddiem il-ġudikant b’mod diġitali. Hija ħabbret ukoll illi beda x-xogħol fuq it-tnedija ta’ scanning lab fejn se jibdew jiġu scanned il-proċessi tal-atti tal-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali.
L-Imħallef Francesco Depasquale, fid-diskors tiegħu fl-għeluq tal-konferenza, faħħar l-inizjattiva tal- Ministru u x-xogħol kollu li sar mill-aġenzija sabiex kien possibbli li fi żmien sena l-awli kollha tal-qrati, inkluż f’Għawdex, illum għandhom sistema diġitali sabiex is-seduti jistgħu isiru b’mod virtwali. Filwaqt li appella sabiex isir investiment fir-riżorsi umani tal-aġenzija, appella wkoll għal intervent leġislattiv sabiex l-istess sistema ta’ video conference fejn hu possibbli tkun tista’ titħaddem mill-qrati ta’ ġurisdizzjoni kriminali wkoll.
Ritratt: DOI