Inkjesta Indipendenti Wara Allegat Tbabis Fil-Marki Tal-Eżamijiet
F’aħbar li ħarġet fil-midja aktar kmieni llum dwar marki ta’ eżamijiet li ġew mibdula lil xi studenti li kienu assesenti, l-MUT ikkundannat dan l-aġir u talbet investigazzjoni.
L-MUT allegat li rċeviet informazzjoni li l-Ministeru għall-Edukazzjoni interferiet f’ħruġ ta’ marki billi inkludiet jew biddlet il-marki ta’ numru ta’ studenti li kienu assenti waqt l-assessments.
Dan ħareġ wara li għalliema rrapportaw li sabu marki li ġew inklużi jew mibdula lil numru ta’ studenti fejn dan sar mill-MFED mingħajr il-kunsens tal-għalliema. L-MUT qalet li “din hija proċedura dubjuża u abbużiva ħafna u l-motiv warajh huwa dubjuż ħafna, l-għalliema ma jistgħux jinżammu responsabbli għal dawn il-marki.”
Fi stqarrija li ħarġet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni b’referenza għal dawn l-allegazzjonijiet li saru mill-MUT, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana talbet biex jinħatar bord ta’ inkjesta indipendenti. Dan bl-għan li jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.
Mir-riżultat ta’ din l-inkjesta, il-Ministeru għall-Edukazzjoni jkun f’pożizzjoni li jevalwa jekk dawn l-allegazzjonijiet humiex minnhom u xi jkunu l-passi li għandhom jittieħdu jekk ikun il-każ.