“Il-Ministeru Tal-Edukazzjoni Għandu Mmedjatament Jirrimedja D-Diversi Nuqqasijiet Tiegħu B’Sens Ta’ Responsabbiltà” – Il-PN
Wara l-aħbar li ħarġet ilbieraħ mill-MUT dwar l-akkuża li l-Ministeru għall-Edukazzjoni interferixxa fil-ħruġ tal-marki billi inkluda marki ta’ student li ma attendewx għall-assessments u li anke tbiddlu l-marki li ngħataw lil xi studenti mingħajr il-kunsens u l-għarfien tal-għalliema, illum il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni u l-Isport Clyde Puli qal li din l-akkuża hija waħda tassew ta’ tħassib u tirrifletti fuq l-istat li jinsab fiħ il-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Puli qal li dan l-indħil u tbagħbis fis-sistema qed iwassal biex diversi għalliema qed jilmentaw mid-diżrispett lejn il-professjoni tagħhom filwaqt li diversi ġenituri huma mħassba sew dwar il-marki li ngħataw uliedhom.
F’stqarrija maħruġa dwar dan Clyde Puli jgħid li diversi ġenituri fl-aħħar ġimgħat lmentaw ukoll dwar domandi f’eżamijiet li l-anqas biss kienu fis-sillabu, domandi li ma kienux mgħallma fil-klassi jew inkella domandi insensittivi fis-sitwazzjoni.
“Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu mmedjatament jirrimedja d-diversi nuqqasijiet tiegħu b’sens ta’ responsabbiltá lejn l-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri. Sadanittant pajjiżna jinsab fil-qiegħ tal-klassifika Ewropea tal-early school leavers” temm jgħid Clyde Puli.