Rapport Dwar Il-Protezzjoni Tal-Persuni B’Diżabilità Adottat Fil-PE
Illum, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew adotta b’maġġoranza rapport mħejji mill-MPE Alex Agius Saliba dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità.
Fir-rapport tiegħu, ir-Rapporteur tal-S&D, l-MPE Agius Saliba, iddeskriva l-petizzjonijiet relatati ma’ persuni b’diżabilità dwar l-aċċessibbiltà, il-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-impjieg, li rċieva u eżamina l-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Ir-Rapport jenfasizza d-diversi ostakli mqajma mill-petizzjonanti li l-persuni b’diżabilità jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum f’diversi oqsma, bħall-aċċess għat-trasport pubbliku, l-ambjent mibni, il-lingwa tas-sinjali, il-finanzjament, jew l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
F’kumment li għamel dwar ir-riżultat tal-votazzjoni, il-MPE Agius Saliba esprima s-sodisfazzjon tiegħu li rnexxielu jikseb appoġġ kbir mill-kollegi fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet.
Huwa spjega li r-Rapport qed jiffoka wkoll fuq għadd ta’ ostakli li jiltaqgħu magħhom it-tfal b’diżabilità fir-rigward tal-edukazzjoni inklużiva, u nnota li t-tfal b’diżabilitajiet intellettwali, bħal dawk li għandhom l-awtiżmu jew ibagħtu mit-telf tas-smigħ, għadhom qed jiffaċċjaw ħafna ostakli meta jiġu biex jissodisfaw l-edukazzjoni tagħhom.
Barra minn hekk, l-MPE Agius Saliba qal li fil-kuntest tal-istrateġija l-ġdida dwar id-diżabilità, il-Karta Ewropea tad-Diżabilità hija waħda mill-aktar strumenti importanti li se tgħin lill-persuni b’diżabilità jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles. “Issa huwa d-dmir tagħna li ntejbu l-ħajja tal-persuni b’diżabilità f’Ewropa mingħajr ostakli u li nippromowvu l-inklużjoni soċjali u ekonomika u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà, ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”, qal il-MPE Laburista Alex Agius Saliba.
Fir-rimarki konklużivi tiegħu, il-MPE Alex Agius Saliba enfasizza li hemm bżonn isir aktar xogħol sabiex jiġi żgurat għajxien indipendenti, li huwa dritt fundamentali ta’ kull persuna. “L-iskemi ta’ Assistenza Personali għandhom jipprovdu appoġġ personalizzat dirett biex jgħinu lill-persuni b’diżabilità jagħmlu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum fi djarhom, fil-post tax-xogħol u fil-komunità, fejn u meta meħtieġ, mingħajr sigħat limitati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi biex timmobilizza l-investimenti u r-riżorsi essenzjali lill-Istati Membri biex jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizzi ta’ kura u appoġġ, li għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità”, ikkonkluda l-MPE Agius Saliba.