Robert Aquilina Mill-Għaqda Repubblika Jwieġeb Lil John Dalli
Robert Aquilina mill-Għaqda Repubblika, irrefera għat-talba ta’ John Dalli biex tintalab skuża ruħna wara li lbieraħ semmieħ bħala wieħed mill-persuni implikati fi stejjer ta’ korruzzjoni li dwaru l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’ għadu ma ħax passi fil-Qorti.
Aquilina tenna; “Infakkar lil John Dalli li kien l-istess Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’ li f’Jannar 2015 iddikkjara quddiem Kumitat tal-Parlament li, fl-2013, il-Pulizija kellha parir bil-miktub mill-Avukat Ġenerali biex tmexxi fil-Qorti kontra tiegħu. Infakkar lil John Dalli li l-istess Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’, f’intervista li ta f’Settembru li għadda, ikkonferma li hu għadu jemmen li hemm każ fil-konfront tiegħu.”
Kompla jgħid li t-talba li għamel illum John Dalli tipprova r-redikolu li fih inġieb pajjiżna fl-aħħar snin. “Hija sitwazzjoni surreali li persuna li l-Kummissarju tal-Pulizija ilu tmien snin jgħid li jrid iressaqha l-Qorti, minflok titressaq, toqgħod toħroġ l-istqarrijiet titlob l-apoloġiji lil min jikkwota lill-istess Kummissarju tal-Pulizija.”
Temm billi qal li kif sostna lbieraħ quddiem id-Depot, jittamaw li “lill-Kummissarju Gafa’ dan ir-redikolu jdejqu u jirrabjah daqs kemm idejjaq u jirrabja lilna. Nittamaw, fuq kollox, li l-Kummissarju Gafa’ jgħaddi mill-kliem għall-fatti. Nittamaw li Gafa’ ma jkomplix iħalli lill-uniku Kummissarju Ewropew fl-istorja tal-Unjoni Ewropea li kellu jħalli l-kariga minħabba każ ta’ korruzzjoni jkompli jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”