Ir-Renju Unit Ipoġġi Lil Malta Fil-Lista Ta’ Pajjiżi B’Riskju Għoli Ta’ Ħasil Ta’ Flus

 Ir-Renju Unit Ipoġġi Lil Malta Fil-Lista Ta’ Pajjiżi B’Riskju Għoli Ta’ Ħasil Ta’ Flus

Ir-Renju Unit poġġa lil Malta fil-lista l-ħamra tiegħu ftit jiem wara li l-FATF poġġiet lil Malta fuq il-lista l-griża. Din hija lista ta’ pajjiżi b’riskju għoli għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dan ser iwassal għal proċessi ta’ kontrolli rigorużi lil individwi u negozji f’Malta.

Bir-regolamenti li daħlu fis-seħħ fit-13 ta’ Lulju, ir-Renju Unit neħħa lill-Ghana mil-lista preċedenti tiegħu u żied lil Malta, Ħaiti, il-Filippini u s-Sudan.

Dan ħa jkun qed iżid ħafna aktar il-kontrolli bejn negozji fir-Renju Unit u dawk Maltin kif ukoll għall-negozji Ingliżi li jridu joperaw minn Malta.

F’Ġunju, l-FATF poġġiet lil Malta fuq il-lista griża tagħha, li tirrifletti nuqqasijiet sinifikanti fil-qafas ta’ Malta kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

B’riżultat ta’ dan, Malta qed tiffaċċja aktar monitoraġġ aktar strett u se jkollha bżonn turi progress effettiv fuq lista ta’ rakkomandazzjonijiet li ħarġet l-FATF. Il-Gvern fassal impenn u pjan sabiex jirrevedi n-nuqqasijiet li kien hemm sabiex kemm jista’ jkun malajr nerġgħu niġu fuq il-lista l-bajda.

Il-pajjiżi l-oħra li bħalissa jinsabu fuq il-lista l-ħamra tar-Renju Unit huma: l-Albanija, il-Barbados, il-Botswana, il-Burkina Faso, il-Kambodja, il-Gżejjer Cayman, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Iran, il-Ġamajka, il-Mawrizju, il-Marokk, il-Myanmar, in-Nicaragua, il-Pakistan, il-Panama, is-Senegal, is-Sirja, l-Uganda, il-Jemen, u ż-Żimbabwe.

Ritratt: loindelafoule.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com