Il-Kumitat Parlamentari Llum Kompla Jiddiskuti L-Każ Ta’ Rosianne Cutajar
Il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kompla jiddiskuti l-każ tal-Onor. Rosianne Cutajar.
Wara li fil-ġimgħat li għaddew il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler lesta r-rapport dwar dan il-każ, il-kumitat kien ikkonkluda li l-investigazzjoni għanda tkompli minħabba nuqqas ta’ ċertezza.
Il-kumitat mhux jaqbel fuq il-lista ta’ xhieda li għandhom jidhru quddiem dan il-kumitat.
L-Ispeaker tal-Kamra u l-membri tal-PL qed jissuġġerixxi li l-ewwel għandu jitla’ jixhed il-Kummissarju tat-Taxxa umbad jaraw mingħandu jitla’ wara, però il-membri tal-PN qed jissuġġerixxu li jitilgħu jixhdu aktar nies fosthom Charles Farrugia t-Tikka, lil Rosianne Cutajar, lil Yorgen Fenech, lill-ġurnalist tat-Times Ivan Martin, lill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, u lill-Ministru Edward Zammit Lewis.
L-Ispeaker iddikjara ripetutament li l-pożizzjoni tiegħu hija li l-kumitat l-ewwel jisma’ lill-Kummissarju tat-Taxxi, u minn hemm jiddeċiedi jekk hemmx bżonn jinstemgħu iktar xhieda.
Min naħa l-oħra l-Oppożizzjoni insistiet li trid garanzija li jkollha ċ-ċans ittella’ iktar xhieda.
Finalment wara ħafna ħin ta’ diskussjoni miż-żewġ naħat tal-mejda wara li vvutaw 2 favur u 2 kontra d-deċiżjoni tal-ispeaker kienet waħda finali. Id-deċiżjoni hija li għandu jitla’ jixhed l-ewwel il-kummissarju tat-taxxa umbad wara jaraw jekk hux meħtieġ li jsejħu lil xhieda oħra.
In-naħa tal-oppożizzjoni qalu li għandhom jibgħatu għall-Kummissarju tat-Taxxi għada filgħodu biex jitla’ jixhed però l-ispeaker jgħid li dan mhux possibbli minħabba x-xogħol li għad irid isir mill-ħaddiema tal-Parlament. Però l-ispeaker qal li għandna “niftiehmu fuq data kemm jista’ jkun malajr.”