Intervent Fuq 26 Bastiment Li M’għandhom Ebda Użu Fil-Port Il-Kbir
Fl-aħħar xhur Transport Malta intervjeniet fuq 26 bastiment li m’għad għandhom l-ebda użu fil-Port il-Kbir u b’hekk kienu qed jokkupaw spazju li jista’ jiġi utilizzat. Għalhekk, dan qed isir sabiex il-potenzjal tal-Port il-Kbir ikun jista’ jiġi sfruttat bl-aħjar mod possibbli.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet minn Boiler Wharf fl-Isla, biswit wieħed mill-bastimenti illi l-istess awtorità intervjeniet fuqu.
Il-Ministru Ian Borg qal li dan huwa proċess li l-gvern wiegħed li se jkun qed jagħmel lura f’Jannar ta’ din l-istess sena, liema proċess issa beda jħalli l-ewwel riżultati tiegħu. “Dawn ix-xogħlijiet li qed tagħmel Transport Malta huma importanti wkoll għaliex qegħdin jassistu lil Infrastructure Malta sabiex tkompli x-xogħlijiet ta’ tħammil fil-Port il-Kbir bħala parti mill-proġett tas-Shore to Ship”.
“Dan huwa l-bidu ta’ ħidma ferm akbar li għandha twassal biex il-gvern Malti jkun jista’ fiż-żmien li ġej iħabbar il-viżjoni għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, port li għandu potenzjal qawwi kemm minħabba l-qagħda ġeografika tiegħu iżda wkoll għaliex huwa wieħed mill-isbaħ li ssib fid-dinja”, temm jgħid il-Ministru Ian Borg.
S’issa Transport Malta intervjeniet sabiex 11 il-bastiment tneħħew kompletament, dan filwaqt li għaddej il-proċess biex jitneħħew aktar bastimenti.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti l-Kap Eżekuttiv u Chairman ta’ Transport Malta Joe Bugeja, il-Harbour Master Kaptan David Bugeja u d-Deputat Harbour Master il-Kaptan Fritz Farrugia li qed jikkordina dawn ix-xogħlijiet.