L-MFSA B’Kap Eżekuttiv Ġdid
L-Awtorità Maltja għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, ħabret li s-sur Joseph Gavin ħa jkun qed jinħatar Kap Eżekuttiv ġdid tal- MFSA. Huwa ħa jkun qed jinħatar b’mod uffiċjali f’Settembru li ġej.
Is-Sur Joseph Gavin intgħażel wara sejħa għall-applikazzjonijiet li kienet miftuħa għal kulħadd. Wara sar assessjar minn Kumitat apposta li tmexxa mill-Professur Taljan Carlo Cottarelli.
Fl-irwol il-ġdid tiegħu, is-Sur Gavin se jkun responsabbli mill-immaniġġjar u l-prestazzjoni tal-Awtorità, kif ukoll se jieħu ħsieb riformi li jkun hemm bżonn fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Fil-passat, fost l-oħrajn, huwa ħadem ukoll fil-Bank Ċentrali tal-Irlanda bejn l-2008 u l-2015. Għandu esperjenza wkoll f’ditta legali Irlandiża fejn kien imexxi s-Servizzi Finanzjarji, apparti li kien wieħed mis-sħab tad-ditta.