Titwaqqaf Il-Fondazzjoni Tal-Knisja Tal-Ġiżwiti
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, ppresedew għall-iffirmar tat-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti.
Il-Knisja taċ-Ċirkonċiżjoni tal-Mulej, magħrufa bħala l-Knisja tal-Ġiżwiti, hija waħda mill-eqdem knejjes fil-Belt Valletta, u waħda mill-akbar fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-knisja kienet oriġinarjament inbniet bejn l-1593 u l-1609 mill-Ordni tal-Ġiżwiti. Hija tinkludi xogħlijiet ta’ arti ta’ Mattia Preti, Giovanni Battista Caracciolo, Stefano Erardi u Alessio Erardi, fost oħrajn, u l-artal titulari huwa magħmul minn Filippo Paladini. Il-kumpless jinkludi żewġ oratorji, wieħed magħruf bħala l-Onorati u l-ieħor bħala l-Immakulata.
Permezz tal-fondazzjoni, il-gvern se jkun qed jikkommetti, flimkien mal-Arċidjoċesi, ħidma sabiex tiġi ssalvagwardjata l-knisja u l-artifatti interni. Permezz tal-fondazzjoni wkoll, ser jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ proġetti sabiex jittejbu mhux biss il-faċilitajiet iżda wkoll isir ir-restawr neċessarju sabiex il-knisja, filwaqt li tkompli tkun tempju għall-insara, tkun tista’ titgawda mill-pubbliku u t-turisti.
Il-Ministru Herrera stqarr li l-fondazzjoni ġiet immudellata fuq fondazzjoni simili, dik li tmexxi il-Konkatidral ta’ San Ġwann, li matul dawn l-aħħar 20 sena ħalliet il-frott mixtieq. Huwa sostna li dan jawgura tajjeb għar-relazzjonijiet ta’ bejn l-istat u l-knisja u jenfasizza l-kordjalità li teżisti.
“Il-gvern jemmen bi sħiħ li l-patrimonju ekkleżjastiku huwa parti essenzjali mill-wirt storiku ta’ pajjiżna u li l-istat għandu l-obbligu li jgħin lill-knisja tippreservah, kif fil-fatt qed jiġri. L-għan ta’ din il-fondazzjoni mhuwiex li tinterferixxi fil-funzjonijiet reliġjużi, imma li tirrestawra, tippreserva u tmexxi ‘l quddiem dan il-momument li għandu daqstant importanza storika f’pajjiżna”, sostna l-Ministru Herrera.
Waqt it-twaqqif ta’ din il-fondazzjoni, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li Malta, għalkemm żgħira, għandha patrimonju kbir u imprezzabbli li ħafna minnu hu marbut mal-fidi Kattolika. Huwa għalhekk li, “Il-Knisja f’Malta għandha dan l-impenn li tħares il-patrimonju kulturali Kattoliku f’pajjiżna”. Huwa qal li t-twaqqif tal-fondazzjoni, proprju fil-festa ta’ San Injazju ta’ Loyola, il-fundatur tal-Ġiżwiti, għandu jgħin biex b’kollaborazzjoni sħiħa bejn il-knisja u l-istat, dan il-patrimonju jkompli jitħares għall-ġid tas-soċjetà Maltija kollha. L-Isqof awgura li din il-kollaborazzjoni tkompli dejjem tissaħħaħ.
Il-fondazzjoni ser tkun immexxija minn Bord ta’ Gvernaturi magħmul minn sitt membri li huma: Dott. David Camilleri li għall-ewwel sentejn ser ikun il-President tal-Fondazzjoni; Dott. Wilfred Buttigieg; is-Sur Glen Gatt; Rev. Dott. Nicholas Doublet; Rev. Dott. Jesmond Manicaro; u s-Sur Michael Pace Ross.