Gvern Ġdid Nazzjonalista Jagħmel Referendum Dwar Il-Mina Bejn Malta U Għawdex

 Gvern Ġdid Nazzjonalista Jagħmel Referendum Dwar Il-Mina Bejn Malta U Għawdex

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, mid-deputat Joe Ellis u mill-kandidat Alex Borg ġew mniehda proposti ġodda li ħarġu mill-Cluster dedikat għal Għawdex.

Waqt il-konferenza ntqal li fl-aħħar ftit snin, il-ftit miżuri dwar l-aċċessibilitá li ħa l-Gvern Laburista kienu theddida għal vijabilità tas-servizz, “beda l-istudji dwar il-mina, b’segretezza kbira fuq il-kontenut ta’ dawn l-istudji, kera vapur ta’ 35 sena, u dam tmien snin biex beda s-servizz ta’ fast ferry, biex fl-aħħar ġimgħat, maħkum b’ paniku, ħasel idejh minnu u ħalla f’idejn il-privat. Neħħa wkoll s-servizz tal-merkanzija lejn Sa Maison.”

It-tlett kelliema tal-PN qalu li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma spirati mis-serjetà, u l-bilanċ neċessarju bejn aċċessibilitá eċċellenti u miżuri li huma sostenibbli u responsabbli.

Fost il-proposti li qed jkunu pproponuti jekk jkunu fil-Gvern Il-PN jinkludu li jitkabbar il-port ta’ l-Imġarr biex dan ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-passiġġieri u l-pjan tal-port irid jinkludi wkoll aktar spazju għall-parkeġġ kemm għal min jaqsam lejn Malta kif ukoll għal dawk li jmorru Għawdex.

Proposta oħra hija li jipprovdu żewġ vapuri ġodda oħra, wieħed għall-passiġġieri u wieħed iddedikat għall-merkanzija u b’hekk jiġi introdott servizz tal-merkanzija lejn il-Port il-Kbir.

Rigward il-mina l-PN ħa jkun qed ikompli jinsisti li jsiru l-istudji kollha neċċessarji kif ukoll jikkonsulta mal-poplu Għawdxi permezz ta’ referendum dwar il-mina wara li jiġu ppublikati l-istudji u ssir konsultazzjoni wiesgħa.

Il-PN qed jikkonsidra ukoll servizzi bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer.

Fit-tmiem tal-konferenza ikkonkludew li “din hija viżjoni, kulana ta’ servizzi li għandhom għan ċar. Li l-aċċess bejn Malta u Għawdex ma jibqax fuq moħħ l-Għawdxin għax ma jibqax sfida fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com