Standards Soċjali Ġodda Li Bihom Se Jkunu Regolati D-Djar Tal-Anzjani

 Standards Soċjali Ġodda Li Bihom Se Jkunu Regolati D-Djar Tal-Anzjani

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanita’ Attiva Michael Farrugia ħabbar li b’avviż legali li se jkun ippubblikat fil-ġranet li ġejjin, se jiġu implimentati standards soċjali ġodda, li permezz tagħhom, il-proċeduri li bihom jitħaddmu d-djar ta’ kura residenzjali għall-anzjani, se jiġu regolati.

Waqt it-tnedija ta’ dawn l-istandards, il-Ministru  Michael Farrugia spjega li s-sena li għaddiet, dawn l-istandards kienu tressqu għall-konsultazzjoni pubblika u r-rispons li kien hemm, ġie evalwat b’mod estensiv, anke fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ pandemija li l-pajjiż kien u għadu għaddej minnha.

“Is-seba’ standards, għaldaqstant, tfasslu skont is-suġġerimenti li saru matul il-konsultazzjoni pubblika u se jkunu qed iwasslu biex inkomplu ngħollu s-servizz ta’ kwalita’ li jixiriqilhom l-anzjani tagħna, kemm dawk li jinsabu fi djar tal-Gvern, tal-Knsija u anke fi djar privati,” qal il-Ministru Farrugia.

Dawn l-istandards huma bbażati fuq il-prinċipji li jassiguraw li l-anzjani jirċievu kwalunkwe kura li għandhom bżonn, li jkunu trattati b’rispett, li jkollhom il-privatezza tagħhom, li jkunu ħelsien minn abbużi, li jkunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom waqt li jħossuhom protetti u siguri, li jkunu trattati b’mod ugwali u jkollhom id-dritt li jressqu l-ilmenti tagħhom.

L-Avviż Legali se jagħti s-saħħa lill-persuni li jaħdmu fl-Awtorita tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanita’ Attiva, biex ikunu ta’ gwida lil dawn id-djar ħalli min-naħa tagħhom, ikunu f’pożizzjoni li jtejbu s-servizzi li joffru.

Il-Ministru qal li ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni ta’ djar fejn il-livell tal-kura li joffru qed imur lura u fejn qatt ma sar titjib fis-servizzi li joffru. Huwa ħabbar li l-Gvern se joħroġ numru ta’ tenders biex isir titjib fl-infrastruttura ta’ numru ta’ djar immexxija mill-Gvern, fosthom il-bini mill-ġdid tad-dar tal-Imsida.

Huwa apella lill-operaturi tad-djar biex jaħdmu id f’id mal-Awtorita’ għal għan wieħed – għall-ġid tal-anzjani.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com